Lokali Parlament

Il-Parlament ifakkar Jum l-Awtiżmu

Il-Parlament fakkar il-ġurnata dwar l-awtiżmu fejn kienet enfażizzata l-importanza li jibqgħu jsiru r-riformi meħtieġa biex dawn il-persuni jibqgħu inklużi fis-soċjetà.

Fit-tifkira tkellem l-Ispeaker Anġlu Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana u d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu pożittiv li l-Parlament ifakkar dan il-Jum u appella għal iktar riċerka fis-settur, biex titneħħa l-istigma fil-konfront tal-persuni bl-awtiżmu u biex kull diskussjoni ssir fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar il-persuni b’żdiżabbiltà.

Persuni b’diżabblità, inkluż bl-awtiżmu għandu jkollhom id-drittijiet kollha daqs persuni oħra għaliex dawn għandhom kemm id-dinjità kif ukoll l-awtonomija fil-kuntest tal-libertà tal-espressjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sellem lill-persuni bl-awtiżmu u lill-familjari tagħhom u sostna li dan hu settur li għandu jibqa’ jingħata appoġġ kontinwu.

Hu sostna li l-Oppożizzjoni kkoperat mal-gvern fil-liġi li ressaq u qal li għandu jkun hemm iktar servizzi lejn il-persuni li għandhom l-awtiżmu u lejn il-familjari tagħhom. Għandu jsir investiment fir-riċerka biex il-pajjiż ma jaqax lura, sostna d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li fis-Segretarjat tagħha għandha persuni bl-awtiżmu li jemmen fl-opportunitajiet tiegħu bħala persuna. Dan il-ħsieb għandu jkun wara kull kampanja ta’ għarfien li ssir dwar l-awtiżmu. Bħalssa qed issir knsultazzjoni dwar il-formazzjoni tal-kunsill konsultattiv dwar is-settur.