Internazzjonali Kurżitajiet Sport

Irtira The Undertaker – l-idolu ta’ ħafna għal 33 sena!

Mument xokkanti u emozzjonanti għal ħafna hekk kif ilbieraħ, waqt Wrestlemania, l-avveniment ewlieni tal-kumpanija tar-wrestling WWE irtira l-leġġenda The Undertaker.

Mark William Calaway, magħruf aħjar bl-isem The Undertaker li juża bħala wrestler, illum-il ġurnata għandu 52 sena u matul l-aħħar 33 sena kiseb isem għalih bħala leġġenda tar-wrestling u sar wieħed mill-iktar maħbuba fost dawk passjonali dwar dan l-isport.

Fost l-oħrajn jibqa’ mfakkar għal sensiela ta’ 21 rebħa konsekuttiva, sena wara l-oħra, waqt l-edizzjonijiet ta’ Wrestlemania. Matul il-lejl li għadda, hu tilef kontra Roman Reigns waqt Wrestlemania 33.

Minkejja li l-karattru tiegħu matul is-snin dejjem kien marbut mal-oskur, b’The Undertaker iqajjem biża’, juża mossi li jwerwru lill-avversarju u wkoll saħansitra konnessjonijiet mas-sopranaturali, fi tmiem it-telfa kien hemm mument emozzjonanti meta The Undertaker neħħa parti mil-libsa tiegħu, l-ingwanti u l-kappell qabel mar jgħannaq lil martu Michelle McCool.