Lokali

Silenzju dwar l-impjieg ta’ 150 partitarju mal-Gvern

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi ċaħad li l-150 persuna li daħħal mal-Korporazzjoni tal-Ilma huma partitarji Laburisti, iżda fl-istess waqt irrifjuta li jgħid mil-liema lokalitajiet ġejjin

Il-Ministru Konrad Mizzi qed jirrifjuta li jagħti dettalji dwar il-150 fitter li daħħal mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma inqas minn sena qabel l-elezzjoni, hekk kif qed jirrifjuta li jgħid mil-liema distrett ġejjin dawn il-150 impjegat ġdid. Irrapurtat dan il-gazzetta Times of Malta f’artiklu ppubblikat illum.

Kienet The Sunday Times of Malta li fid-19 ta’ Marzu li għadda żvelat li Konrad Mizzi daħħal 150 partitarju mid-distrtt tiegħu jaħdmu mal-Gvern. Skont ir-rapporti ta’ The Times, il-ħaddiema li daħħal Konrad Mizzi huma residenti tal-Fgura, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien.

Fl-aktar artiklu riċenti dwar dan minn The Times, intqal li l-Ministru qed jirrifjuta li jgħid minn fejn ġejjin dawn il-150 ħaddiem ġdid, minkejja li kien ċaħad li huma kollha mir-raba’ distrett; jiġifieri d-distrett fejn Konrad Mizzi hu mistenni li jikkontesta. The Times talbet lista tal-lokalitajiet fejn joqgħodu dawn il-150 ħaddiem ġdid, madanakollu, il-Ministru m’offra l-ebda tweġiba.

Jirriżulta li fir-raba’ distrett bħalissa hemm gwerra miftuħa bejn il-kandidati Laburisti. Fl-elezzjoni li għaddiet, Konrad Mizzi kien elett mir-raba’ distrett flimkien mal-Ministru Chris Fearne u d-Deputati Etienne Grech u Silvio Parnis.

Skont l-aħħar stħarriġ, hu diffiċli ħafna li l-Partit Laburista jerġa’ jtella’ erba’ kandidati minn dan id-distrett u x’aktarx se jkun Silvio Parnis li se jitlef postu. Ironikament, Parnis hu l-iktar kandidat li ilu jiġi elett mir-raba’ distrett, preċiżament mill-1998. Dan anke jekk Konrad Mizzi nqabad fl-iskandlu tal-Panama, fejn inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa’ miljun fis-sena ġejjin mill-Commissions.