Alex Borg se jħalli Malta fi triqtu lejn Sheffield fl-Ingilterra biex jieħu sehem fir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Mondjali organizzat mill-World Snooker Association.
Ir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni ser jintlagħbu bejn illum u l-Erbgha 12 ta’April f’Ponds Forge f’Sheffield.
F’dawn ir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni jieħdu sehem il-plejers li qegħdin bejn is-17 u l-128 post f’dawk li huma rankings tad-dinja biex 16 minnhom jikkwalifikaw u jingħaqdu mal-aqwa 16 il-plejer mondjali (l-aħħar 32) fil-fażi finali li tintlagħab fil-Crucible Theatre f’Sheffield ukoll bejn il-15 ta’April u t-2 ta’ Mejju.
Il-Kampjonat Mondjali hu l-aktar turnament prestiġġjuż fil-kalendarju tal-World Snooker bir-rebbieħ jirbaħ il-premju ta’ £375,000.
Borg proprju jkun fl-azzjoni llum meta jiltaqa’ kontra l-Ingliż Stuart Carrington. Din il-logħba tkun fuq l-aħjar minn 19 il-frame bl-ewwel 9 frames jintlagħbu fil-11am (ħin ta’ Malta) waqt li fit-8.00pm (ħin ta’ Malta) jitkomplew l-10 frames l-oħra.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq www.worldsnooker.com.
//= $special ?>