Il-Gvern Russu ikkonferma li 11-il persuna inqatlu u 39 indarbu wara splużjoni qawwija fil-metro ta’ San Pietruburgu, fir-Russja.
Ritratti fil-mezzi soċjali juru waħda mill-bibien tat-tramm li tidher imkissra bis-saħħa tal-isplużjoni. Ritratti oħra juru passiġġieri mitluqin mal-art feruti. Fost dawk feruti hemm ukoll numru ta’ tfal.
Aġenziji tal-aħbarijiet Russi qed jgħidu li l-isplużjoni kienet ikkaġunata minn bomba li tpoġġiet f’bagalja.
Il-każ seħħ fl-istazzjon Sennaya Ploshchad fejn jidher li hemm mill-inqas 9 persuni li mietu.
L-awtoritajiet għalqu l-istazzjonijiet kollha tal-metro, filwaqt li l-Pulizija ċċirkondaw iċ-ċentru tal-belt fejn bħalissa hemm il-President Putin.
Għalkemm hu mifhum li l-isplużjoni seħħet fuq ġewwa wieħed mit-trejns tal-metro, l-awtoritajiet tal-Gvern Russu diġa’ ħabbru li taw bidu għal investigazzjoni intensiva sabiex jiġi stabbilit x’ġara eżatt.
