Kultura

Taħdita dwar il-vrajs tal-Madalena

It-Tlieta, 4 ta’ April 2017,​ fis-6.00p, ​Ġorġ Peresso se jagħmel taħdita pubblika dwar il-vrajs tal-Madalena bħala parti mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta.

It-taħdita se ssir f​uq ​il-kampus tal-Università f’Tal-Qroqq, kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

Il-vrajs tal-Madalena hu wieħed antik u jinsab mifrux, b’varjazzjonijiet lokali, f’pajjiżi differenti tal-Ewropa, mill-Iżvezja saMalta. Meta u kif daħal Malta ma nafux, imma żgur li hu antik u forsi daħal fostna mill-Provenza fi Franza minn xi predikaturi għal żmien ir-Randan, għax il-vrajs hu rakkont li għandu jqanqal indiema u penitenza u l-figura tal-Madalena minn dejjem kienet figura dominanti bħala simbolu ta’ dawn is-sentimenti. Dan jidher fil-pitturau t-teatru, u fir-rabta, mhux għalkollox ġustifikata, mal-konverżjoni tal-prostituti.

Il-vrajs Malti għandu b’kollox sitt strofi asimmetriċi, imma miktuba b’mekkaniżmi letterarji bħall-alliterazzjoni, ir-rima interna, l-onomatopeji, id-djalogu, u t-teatralità, li jagħmlu faċli li jaqbad mal-fantasija u aktar faċli li timmemorizzah. Kien l-istudjuż Ġużè Cassar Pullicino li fis-sittinijiet għamel riċerka u studju intensiv kemm Malta u kemm Għawdex, sakemm sensel dan il-vrajs. Għamel ukoll studju komparattiv ma’ vrajjes oħra simili fuq il-Madalena.

Bl-għodod limitati ta’ studju li kellu f’idejh il-folklorista Malti, Cassar Pullicino wasal għall-konklużjoni li l-vrajs tagħna hu eqreb tal-vrajs qasir li jinsab f’Ravenna u li tagħna fih konklużjoni li hi tipikament Maltija. Dan mhux għalkollox minnu, iżda lanqas mhu imbiegħed wisq mil-verità.