Lokali

Xahar wara li seraq: Jafu min hu, aktarx ġie f’Malta b’passaport falz imma ‘sparixxa’

Xahar ilu Net News ippubblika filmat ta’ raġel li daħal f’ħanut fi Triq il-Qawra, fil-Qawra, u jidher f’kameras tas-sigurtà jaħtaf prodotti minn fuq l-ixkafef u jaħbihom taħt il-ġakketta.

Iż-żagħżugħ, aktarx barrani li l-identità tiegħu għad mhix magħrufa, ħareġ barra mill-istabbiliment mingħajr ma ħallas u kien tard wisq meta l-impjegati ndunaw b’dak li seħħ.

Il-filmati għaddew għand il-Pulizija, u persuni li qraw l-istorja ta’ dan is-sit saħansitra bagħtulna profil ta’ Facebook tal-allegat ħalliel. Din l-informazzjoni wkoll għaddiet lill-awtoritajiet u jidher li hemm qbil li l-persuna li jidher fuq il-midja soċjali hu l-istess ħalliel.

Iżda xahar wara, ir-raġel ta’ nazzjonalità Serb mhux talli mhux arrestat iżda l-awtoritajiet m’għandhomx idea li ġie f’Malta u fejn jinsab. Jirriżulta li hu wasal f’Malta b’dokumenti foloz, u hu għalhekk li ħadd ma għandu informazzjoni dwaru, u ma jistax jitressaq għall-ġustizzja għaliex ħadd ma jaf min hu.

Net News mill-ġdid jappella biex min għandu xi informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija, jew inkella lil dan is-sit b’mod kunfidenzjali.

Tags