Lokali

Ħamiem jinstab marbut minn saqajh f’allegat każ ieħor ta’ moħqrija tal-annimali

Par ħamiem li nstab marbut minn saqajh f'San Pawl il-Baħar.

Par ħamiem ġie salvat minn persuna li sabithom marbuta minn saqajhom permezz ta’ biċċa spaga f’San Pawl il-Baħar.

Għall-ewwel kien maħsub li dan kien inċident, iżda meta r-raġel li sabhom talab għall-għajnuna ta’ persuni oħra u rnexxielhom jaqbdu lill-ħamiem, instab li dawn intrabtu flimkien apposta.

Dan hekk kif kien evidenti li l-ispaga kienet marbuta b’intervent uman u mhux b’inċident. Fortunatament il-ħamiem laħaq instab u ġie salvat. Li kieku mhux għall-azzjoni f’waqtha, kien ikun impossibbli li l-ħamiem itir u jfittex l-ikel, sakemm finalment imut.

Dan il-każ qed iqajjem rabja fuq Facebook u jkompli ma’ sensiela ta’ rapporti oħra ta’ annimali li nstabu abbandunati jew maħqura fl-aħħar jiem. Min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ hu mitlub jagħmel rapport, anke jekk b’mod kunfidenzjali.

Ritratti: Mick Thehat