Lokali Parlament

Il-bdiewa u r-raħħala għandu jkollhom garanzija li d-drittijiet tagħhom se jkunu salvagwardjati

-Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Tony Bezzina qal l-bdiewa u r-raħħala għandu jkollhom garanzija li d-drittijiet tagħhom se jkunu salvagwardjati bil-liġi dwar l-artijiet tal-gvern.

Fil-parlament Toni Bezzina tkellem dwar il-bdiewa u r-raħħala fil-kuntest tal-iskop pubbliku u tratta x’iwassal biex tittieħed art għal skop pubbliku. Hu qal li d-drittijiet tal-bdiewa u r-raħħala għandhom ikunu salvagwardjati u l-art agrikola m’għandhiex tittieħed għal skopijiet pubbliċi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bdiewa u r-raħħala jistgħu jnaqqsu l-investiment fis-settur jekk ikun hemm il-biża’ li l-art agrikola tittieħed. Għandu jkun assigurat li l-prezz għall-art pubblika jkun prezz għas-suq għaliex l-art tal-gvern hi art pubblika. Għandu jkun hemm pubbliċità wiesa’ meta toħroġ art pubblika għall-bejgħ.

Il-ġranet tal-festi għandhom ikunu evitati meta jinħarġu l-offerti. Meta joħorġu dawn l-offerti għandha issir valwazzjoni tal-art u l-prezz ikun marbut ma’ din il-valwazzjoni. L-istimi għandhom isiru qabel toħroġ l-offerta.

Dwar l-enfitewsi temporanju, Toni Bezzina qal li min irabbi l-fniek, il-mogħoz, it-tiġieġ u n-nagħaġ għandu jkun rikonoxxut bħala raħħal ukoll. Meta semma r-raba’ li tingħata bi qbiela, id-deputat Nazzjonalista staqsa dwar bdiewa li jkunu pensjonati u jekk dawnx hux se jkunu jistgħu jgħadduha fuq bdiewa oħra. Hu qal li l-qbiela m’għandhiex tgħola fuq l-art agrikola għar-raħħala.