Lokali Parlament

Il-Gvern se jkun qed jirregolarizza l-irregolaritajiet li għamel

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li bil-liġi dwar l-artijiet il-gvern se jkun qed jirregolarizza l-irregolaritajiet li għamel.

Edwin Vassallo qal li l-gvern qed iwettaq din l-Awtorità b’għaġġla bla kunsiderazzjonijiet meħtieġa. Din il-liġi tikxef x’jifhem il-gvern bit-terminu li ‘hu l-gvern’, sostna Edwin Vassallo, li qal li l-liġi se tagħti l-libertà kemm lill-ministeru iżda anki lil min hu maħtur f’isem il-gvern fl-awtoritajiet u bordijiet li se jamministraw lil-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern se jsaħħaħ il-poter li għandu biex jagħmel minn dak li diġà għamel fil-passat. Hu sostna li l-gvern se jirregolarizza dak li għamel kontra l-liġi u semma l-mod kif il-gvern qed jagħti l-artijiet, fosthom dik tal-ITS, bla ma tressqet riżoluzzjoni fil-parlament.

Dan hu gvern li bagħbas fl-artijiet pubbliċi u għalhekk din il-liġi se tkun perikoluża, sostna Edwin Vassallo. li kompla li l-gvern se jkun qed ineħħi d-dritt taċ-ċittadini li jipproteġu l-propjetà tagħhom. Il-gvern se jkun jista’ jwettaq b’mod legali l-inġustizzji li qed iwettaq maċ-ċittadin.

Edwin Vassallo semma l-iskandli tal-Australia Hall, ta’ Gaffarena, tal-Cafè Premier u l-art tal-ITS u qal li l-gvern abbuża minn miljuni ta’ euros li bihom setgħu saru ħafna porġetti għall-familji, l-komunitajiet u l-anzjani.

Dan hu gvern kapitalista f’dittatura ta’ demokrazija fejn għandu poteri assoluti. Din hi liġi li se tkun ta’ detriment u ta’ deterrent għan-nies fejn il-Gvern qed ikun inġust man-nies.