Illum toħroġ il-karta tal-€50 ġdida b’karatteristiċi ta’ sigurtà aġġornati. Il-karta l-ġdida hija pass ieħor ’il quddiem biex il-karti tal-euro jsiru iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha jinkludu tieqa bil-wiċċ fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma li ssir trasparenti meta tħares lejha kontra d-dawl. It-tieqa fiha xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta.
Din ix-xbieha tidher ukoll fil-watermark flimkien ma’ numru aħdar żmerald li juri effett bid-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel meta tmejjel il-karta tal-flus. Il-karta fiha wkoll stampar imqabbeż għal min huwa nieqes mid-dawl.
“Anki f’din l-era diġitali, il-flus kontanti jibqgħu indispensabbli għall-ekonomija tagħna,” qal il-President tal-BĊE Mario Draghi. “Stħarriġ li sar f’isem il-BĊE fuq l-użu tal-flus kontanti u li se jiġi pubblikat dalwaqt juri li iżjed minn tliet kwarti tal-ħlasijiet kollha fil-ħwienet taż-żona tal-euro jsiru bi flus kontanti, li jiġu ftit aktar minn nofs il-valur tat-tranżazzjonijiet kollha.”
Ir-riżultati kollha tal-istħarriġ se joħorġu fis-sajf li ġej.
Il-€50 hija d-denominazzjoni li tintuża l-iżjed fost il-karti tal-euro. Minnha hemm iżjed minn 9 biljuni fl-idejn, li jirrappreżentaw 46% tal-karti kollha tal-euro. Il-karti tal-€50 tal-ewwel sensiela se jibqgħu valuta legali u jkomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti l-ġodda, biex imbagħad jibdew jitneħħew ftit ftit miċ-ċirkolazzjoni.
Il-karti l-ġodda tal-€100 u €200 se joħorġu fil-bidu tal-2019.
Kif tagħraf il-karta l-ġdida tal-€50?
● Ix-xbieha ta’ Europa u n-numru aħdar żmerald jagħmlu l-karta l-ġdida iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni
//= $special ?>