Lokali Parlament

Il-Ministru Refalo jiddefendi l-infieq ta’ €376,000 fuq pittura

Il-Ministru għal Għawdex iddefenda l-infieq kontroversjali li hu għamel minn fondi pubbliċi għal pittura ta’ Mattia Preti biex din tkun esebita f’Għawdex.

Fl-Aġġornament tal-Parlament il-Ministru għal Għawdex qal li l-oġġett li nxtara għall-prezz ta’ €320,000 mhux pittura iżda oġġett artisitku. Hu qal li din hi pittura ta’ Mattia Preti, pittura li għandu konnessjoni kbira ma’ Malta.

Ħadd ma jiddubita mill-ġenwinità ta’ din il-pittura. Il-pittura l-oħra, għax dawn kienu tnejn, inxtrat fl-1988 għal €2 miljuni, sostna l-Ministru Refalo, li kompla li dan hu kwardu meraviljuż bi tmiem figuri; għalhekk hu kwardu importanti li jiswa ħafna flus.

Għalhekk il-valur tiegħu hu tajjeb u kulħadd jaqbel li dan hu wieħed mill-aqwa opri ta’ arti li għamel Mattia Preti. Dan hu wieħed mill-aqwa xogħlijiet ta’ Mattia Preti meta hu wasal Malta. Il-pittura inxtrat min-New York mhux mill-Ingilterra u ma swietx €400,000.

Il-Ministru Refalo qal kienet Heritage Malta li tefgħet l-offerta għal dan l-inkwatru għalkemm qalet li ma l-pittura kinitx tinteressaha għall-mużew ta’ Malta għaliex f’Malta hemm ħafna xogħlijiet ta’ Mattia Preti iżda f’Għawdex m’hemmx.

Din inxtrat b’permess mill-Ministru tal-Finanzi lil Heritage Malta biex tagħmel offerta sa massimu ta’ €350,000 bil-kundizzjoni li Heritage Malta tkun informata bil-proċess li għaddej, li l-opra tkun awtentika u li jingħata rapport dettaljat lill-Ministru tal-Finanzi dwar dan l-akkwist. Heritage Malta tat il-kunsens tagħha biex il-pittura tinxtara. B’kollox in-neqfa ammontat għal €376,000, sakemm twassslet Malta.