BLOGS

Is-Soċjopolitiċizzazzjoni Nazzjonalista

Jekk f’era Kapitalista kienet evidenti d-distinzjoni bejn żewġ klassijiet soċjali lil hinn minn xulxin fejn il-ftit ‘kbar’ joppressaw lill-ħafna ‘żgħar’ għall-gwadann ekonomiku personali u egoist, il-konklużjonijiet ma setgħux jitbiegħdu wisq minn diviżjoni li żżomm aljenat lil min ma għandux poter u finalment mhux konxju minn qagħda stabbli imma prekarja.

Dan id-distakk, minkejja li llum f’demokraziji moderni ma hemmx lok għalih, nistgħu nassimilawh ma’ sitwazzjonijiet rikorrenti li fihom nilmħu xejriet imsejsa fuq din id-divżjoni u l-aljenazzjoni ta’ politika li mhix biss ekonomika jew relatata ma’ klassi. Għandha ħabta l-politika, u l-istorja tagħha, terġa’ tixref fi żminijiet diversi imma taħt forom li minkejja li jkunu xort’oħra, fil-qalba u l-prinċipju jkunu jixxiebhu u msawra fuqhom.

Il-maġġoranza tal-poplu Malti mhux interessat mill-politika u kif tissawwar minn jum għal jum, irrispettivament kemm aħna l-politiċi nassumu li kulħadd, kuljum u dejjem il-poplu jkun qiegħed jisma’. Mingħajr dubju, iż-żewġ partiti ewlenin jappellaw għall-fazzjonijiet ta’ eluf kbar li jsegwu jew aħjar isostnu s-sapport tagħhom lil partit jew ieħor b’ċerta simpatija partiġġjana, imma ma’ dawn l-eluf, li ma narahomx jaqbżu l-terz tal-elettorat, hemm dawk li huma siekta, aljenati minn politika li fuq il-livell primarju tagħha tidher irrelevanti għal min mhux konxju mit-twettiq ta’ partit fil-Gvern, possibbilment l-aktar Gvern korrott u mill-proposti konkreti ta’ partit oppost fl-Oppożizzjoni, possibbilment l-aktar Oppożizzjoni effettiva.

Hawnhekk, għaldaqstant nista’ norbot l-analoġija li tlaqt biha bbażata fuq l-idea Marxista, idea li tiddistakka lil min hu l-aktar b’saħħtu fil-poter minn dak li hu aktar b’saħħtu fid-daqs. Għalhekk, meta partit politiku jkun qiegħed iwessa’ l-ideat tiegħu sabiex jilħaq dejjem aktar lill-‘aljenati’, ikun qiegħed iqarreb dejjem aktar lejn realtà politika li tinbena fuq il-ħteġijiet soċjali. Huma diversi, tul is-snin, is-soċjoloġisti li assumew l-irwol importanti li tilgħab il-politika meta tkun il-politika li ma tibqax aktar ikkonċentrata fil-konfini tal-ispettri politiċizzati imma tkun esperjenza umanizzata li tgħaqqad iż-żewġ varjazzjonijiet tas-soċjetà: il-politiċi u n-nies. Allura, jekk il-politika hija ‘poter’, jekk dan il-‘poter’ ma jkunx trażmess fin-nies u mogħti lilhom biex jifformawh f’politika, inkunu qed nitilfu l-valur essenzjali tal-politika nnifisha.

Dak li rajna jseħħ matul is-sena li għaddiet fl-Ewropa u anke fl-Istati Uniti, ir-rebħa tal-populiżmu ‘sempliċi’ fuq il-politika tal-ftit, għandu jkompli jwissina, lilna bħala partit, li l-politika hija għodda li biha jingħaġen il-politiku mill-poplu u mhux il-kontra.

Għalhekk, jekk kemm-il darba, il-Partit ikompli jagħraf is-sejħiet tal-elettorat, dak li Simon Busuttil diġà rrefera għalih bħala ‘elettorat sieket’, u jibni l-politika tiegħu fuq id-diversifikazzjoni tal-oqsma l-aktar relevanti ta’ pajjiżna, jiġifieri l-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali, l-indirizz għall-faqar soċjali u l-politika tan-nies kollha u mhux tal-‘ftit’, ikun qiegħed jibda jnissel mill-politika, il-veru tifsira tal-politika nnifisha.

Hemm distinzjoni, u din qiegħda tinħass dejjem, għalhekk, bejn dawk li jimxu mal-kurrent politiku u dawk li jqanqlu l-kurrent li l-aktar ikun jinteressa lilhom. Hawnhekk qiegħed nara lill-Partit Nazzjonalista bħala partit li jfendi bejn l-irowl ‘politiku’ u dak ‘soċjali’. Qabelxejn, irrid li l-Partit Nazzjonalista jkompli jkun partit soċjali qabel ikun partit politiku, għaliex hija s-soċjalizzazzjoni li tagħmlu t-tali li hu.

Dawn l-irwoli non-paralleliċi allura, qegħdin dejjem aktar, jersqu qrib xulxin u jitħalltu, waqt li possibbilment, dawn iż-żewġ irwoli fi ħdan il-Gvern qegħdin dejjem jitbiegħdu. Din ser tkun id-differenza f’Marzu tal-2018, bejn partit Laburista li miexi qatigħ jitbiegħed minn realtajiet meħtieġa fuq il-livell soċjali aktar minn politiku, u partit li qiegħed dejjem aktar jissoċjopolitiċizza l-aġenda tiegħu.

Jekk kemm-il darba Simon Busutill jirnexxielu jibqa’ jżomm ma’ din l-ideoloġija, ikun qiegħed ikompli jappella għal dawk l-‘aljenati’ li mhux neċessarjament huma konxji minn Gvern egoist, imma li jafu jkunu interessati minn politika altruwista ta’ Oppożizzjoni li qed tiżviluppa f’koalizzjoni soċjali u diversifikata.

L-aġenda tal-Partit Nazzjonalista, għalhekk għandha tkompli tkun ibbażata fuq l-idea li titbiegħed mill-ftit u ssib l-imkejjen non-politiċi u timraħ fihom.