Lokali Parlament

Meħtieġa iktar trasparenza fil-mod kif l-art tal-gvern tingħata

– Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella biex ikun hemm iktar informazzjoni u trasparenza fil-mod kif l-art tal-gvern tingħata. Għalhekk għandhom jintużaw il-mezzi disponibbli inkluż il-mezzi tal-media soċjali biex kulħadd ikun jaf li l-gvern hu intenzjonat li jbiegħ xi propjetà.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fi-dibattitu dwar il-liġi tal-artijiet, Karl Gouder qal li l-gvern qed jipproponi żgumbrament anki fuq min għandu titlu validu.

Din se toħloq problemi, sostna id-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan mhux ġust għaliex ikun hemm min jaqa’ lura fil-ħlasijiet minħabba xi każi ġenwini li hu jkun għaddej minnhom. Għandu jkun żgurat li l-gvern jikseb l-aqwa prezz għall-propjetà tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-għaqdiet kulturali u l-proċedura kif dawn jingħataw propjetà u ppropona li għandu jkun il-gvern li jipproponi l-postijiet li dawn ikunu jistgħu jużaw.

Dwar il-binijiet li saru viċin il-baħar u max-xatt, Karl Gouder qal li x-xatt u l-kosta għandhom ikunu protetti. Hu qal li min jabbuża m’għandux ikun protett wara li jkun akkuża mill-propjetà pubblika.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-poter li se jikseb il-ministru dwar kif se tingħadda l-art u qal li l-ministru qed jikseb wisq poter.