Lokali

Provi ċari li “hemm nies se jinħarġulhom żewġ dokumenti tal-vot”

L-evidenza ppubblikata fil-gazzetti
Qed nistaqsu lill-Gvern, "hemm aktar każijiet bħal dawn?"

Huwa ċar li fis-sistema tal-Karti tal-Identita’ hemm xi ħaġa li evidentament mhix taħdem sew. U dan qed iwassal biex nies partikolari jinsabu mniżżlin darbtejn fir-Reġistru Elettorali – b’riżultat li jista’ jinħarġilhom mhux dokument tal-vot wieħed, iżda tnejn.

Hekk stqarr id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent Pierre Portelli f’kummenti waqt il-programm NET LIVE it-Tnejn filgħaxija fuq Net TV, fejn hu fakkar li issa għaddew numru ta’ ġranet minn mindu l-gazzetta bdiet issegwi din l-istorja tal-Karti tal-Identita’ doppji.

“Il-Gvern kien diġa’ ħareġ tliet stqarrijiet li fihom ma ċaħad qatt ir-rapporti tal-Independent. Issa f’daqqa waħda, wara li fil-Malta Independent on Sunday ħriġna anke dokumenti li jikkonfermaw x’inhu għaddej – kien biss issa (ilbieraħ) li l-Gvern ħareġ jgħid li mhux vera”.

Pierre Portelli fakkar li r-rapporti tal-Independent kienu ibbażati fuq kampjun ta’ 300 persuna li 80 minnhom għandhom Karta tal-Identita’ doppja, u kien hemm ukoll 5 persuni bi tliet numri tal-Identita’.

Hu żied jgħid illi din id-darba l-Gvern mexa b’mod differenti mal-ġurnalisti tal-Independent. “Issoltu jkollna t-theddid tal-libelli. Din id-darba Owen Bonnici sejjaħ laqgħa magħna li se ssir f’Identity Malta l-Ħamis”.

L-Independent aċċettat din l-istedina, u l-laqgħa se ssir din il-ġimgħa, tant li anke l-Gvern fl-istqarrija uffiċjali li ħareġ it-Tnejn semma’ li se ssir din il-laqgħa.

Pierre Portelli insista li huma bħala gazzetta rrappurtaw l-affarijiet kif inhuma. “U aħna qed nistaqsu lill-Gvern; tafu jekk hemmx aktar każijiet bħal dawn? Kemm hemm oħrajn? ID Malta tista’ tidentifikhom?”