Minkejja rapporti fuq il-media tal-Partit Laburista, Valletta FC, erba’ snin wara li tela’ Gvern Laburista, għadhom ma bdewx ix-xogħol fuq l-istadium tagħhom. Fl-2011, il-Gvern Nazzjonalista kien ta art ta’ 22 elf metru kwadru lil Valletta FC biex ikunu jistgħu jibnu stadium u faċilitajiet sportivi.
Madanakollu, malli tela’ l-Gvern ta’ Joseph Muscat, twaqqaf ħesrem dan il-proċess, u l-Gvern avża lill Valletta FC li din l-art f’Ħal Luqa rieda għall-industrija tal-avjazzjoni. Madanakollu, minn tweġibiet Parlamentari għall-mistoqsijiet tax-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, jirriżulta li ma kien hemm ebda proġett tal-avjazzjoni proġettat għal fuq din l-istess art.
Mill-2013, Valletta FC ilhom jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex jingħataw art biex jinbena l-istadium, u dan peress li anke fl-istess żmien, għadhom qed iħallsu ċ-ċens mingħajr ebda introjtu u jeħlu spiża sostanzjali biex jikru grounds biex jitħarrġu.
Ftit tal-ġimgħat ilu, hekk kif qed toqrob l-elezzjoni ġenerali, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jagħti biċċa art lil Valletta FC għal dan l-istadium. Sadanittant, fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija oħra ta’ Claudio Grech fis-seduta tal-bieraħ, il-Ministru Evarist Bartolo kkonferma li l-Gvern għadu ma identifikax art għall-istadium tal-Belt, iżda għadu qed jaħdem biex jidentifika art oħra f’Ħal Luqa.
Din is-saga qed tirrabja mhux ftit lil diversi supporters ta’ dan il-klabb.
//= $special ?>

