Lokali

Ashraf Ammar għadu mfittex mill-Pulizija; il-mara ħarġet mill-isptar u qed tirkupra

Il-Libjan Ashraf Ammar Marghami
Sa issa l-ħidma tal-Pulizija Maltija rriżultat fin-negattiv - il-Libjan imfittex ukoll mill-Europol minħabba biża' li seta' ħarab minn Malta

Tinsab f’kundizzjoni aħjar il-mara li fi tmiem il-ġimgħa sfat attakkata minn Libjan li allegatament għamel attentat ta’ abort fuq it-tarbija li qed tistenna. Fil-fatt, il-mara Marokkina ġiet rilaxxata mill-Isptar Mater Dei wara li għal kważi tliet ijiem kienet qed tingħata kura wara l-każ xokkanti li seħħ fis-Swieqi l-Ħadd.

Il-Libjan ta’ 33 sena allegatament prova jagħmel abort b’idejh stess, u bl-użu ta’ sikkina, biex ineħħi t-tarbija li qed tistenna s-sieħba tiegħu. Hi tinsab fit-tieni xahar tat-tqala tagħha.

Ilbieraħ is-sit elettroniku NetNews.com.mt żvela l-wiċċ tal-persuna (ritratt) li għadu imfittex mill-Pulizija. Il-Libjan jismu Ashraf Ammar Marghami; raġel magħruf sew mal-Pulizija u li fil-passat wettaq anke reati oħrajn.

Kienet it-tifla tal-Marokkina, li għandha 16-il sena, li rrappurtat il-każ lill-Pulizija, u kixfet dak li prova jagħmel il-Libjan.

Fil-fatt, kienet it-tifla stess li salvat lil ommha, meta sabitha imsakkra fil-kamra tal-banju b’idejha marbuta u bit-tape ma’ ħalqha. Il-kamra kienet imsakkra, u allura it-tifla meta semgħet lil ommha tokrob faqgħet il-bieb tal-kamra tal-banju u daħlet tara x’kien ġaralha ommha.

F’dak il-ħin, il-Libjan kien diġa’ ħalla l-appartament. L-akkuża fil-konfront tiegħu hi li hu prova jwettaq abort b’sikkina u bl-użu ta’ alkoħol. Is-sorsi tagħna qalulna li miegħu il-Libjan kellu żewġt irġiel oħra, li kienu kompliċi f’dan l-att biex itemm it-tqala tal-mara.

Jirriżulta li l-allegat aggressur ħarab minn Malta, u kien ghalhekk li l-Pulizija ħarġu mandat internazzjonali għalih. Il-Europol qed tassisti f’din il-hidma.

Il-mara għandha 33 sena u hija omm ta’ tliet itfla. Minbarra t-tifla ta’ 16-il sena għandha żewġt itfal oħra ta’ 9 u 6 snin.