Kultura

Din il-ġimgħa vjolinist rinomat Malti jingħaqad mal-orkestra nazzjonali

Din il-ġimgħa, il-vjolinist Malti rinomat Carmine Lauri se jkun qiegħed jingħaqad mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO)  f’kunċert ta’ mużika klassika Russa li se jsir fit-Teatru Manoel.

Lauri mistenni jdoqq il-Kunċert tal-Vjolin ta’ Alexander Glazunov, fit-tieni kunċert tas-serje Russian Masters organizzat mill-MPO.

Dan il-kunċert se jiġi mtella’ għall-pubbliku nhar il-Ġimgħa, is-7 ta’ April.

Carmine beda’ jistudja l-vjolin ta’ 4 snin, u ilu joqgħod l-Ingilterra minn mindu kellu 17-il sena, meta rebaħ borża ta’ studju biex jistudja fir-Royal Academy of Music ta’ Londra.

Bħalissa jokkupa r-rwol ta’ co-leader tal-London Symphony Orchestra, li magħrufa anke għall-mużika li rrikordjat għal ħafna films, inkluż dawk kollha ta’ Star Wars.

Lauri regolarment jikkollabora mal-MPO, kemm bħala mexxej tal-orkestra kif ukoll bħala solista.

Fil-fatt, kien solista meta l-orkestra daqqet il-Missa Solemnis ta’ Beethoven fil-Bażilika ta’ San Paulo fuori le Mura ta’ Ruma f’Diċembru, u mexxa l-orkestra fl-ewwel kunċert Russian Masters fi Frar li għadda.

Fil-kunċert tal-Ġimgħa, l-orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus, se ddoqq ukoll ir-Russian Easter Festival Overture ta’ Rimsky-Korsakov, li hi bbażata fuq kollezzjoni antika ta’ kant liturġiku Russu magħrufa bħala l-Obikhod, kif ukoll it-Tieni Sinfonija ta’ Tchaikovsky, li tinkorpora tlett diski tradizzjonali Ukreni.