Lokali Parlament

Ebda proġett imwettaq f’Għawdex, abbandun sħiħ – Marthese Portelli

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli qalet li l-gvern qed joħnoq is-settur tax-xogħol privat f’Għawdex, se jneħħi l-monti mit-Tokk, qed idaħħal nies fl-iskemi flok jinċentiva lill-privat u ma wettaq l-ebd proġett milli wiegħed.

Fl-Aġġornament tal-parlament Marthese Portelli qalet li f’Għawdex hemm abbandun fit-toroq fejn il-mnautenzjoni tat-toroq ma teżistix tant li hemm toroq li qed jisfrondaw. Il-ftit toroq li saru ma tlestewx. Il-prijorità għall-Ministru għal Għawdex hi l-pittura ta’ Mattia Preti, il-persuni li jmorru fil-kju minn kmieni filgħodu wara l-ministeru u l-promozzjonijiet tal-mara tiegħu; dan flok jagħti każ il-problema tal-prekarjat.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni qalet li f’Għawdex hemm problemi bil-ħaddiema u l-kundizzjonijiet fl-isptar. Hi tkellemt dwar is-settur privat f’Għawdex u qalet li l-PL wiegħed xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Huma biss il-ħaddiema tal-qalba li qed jingħataw ix-xogħlijiet f’Għawdex fiċ-Ċittadella u fil-Ministru għal Għawdex. Flok qed jinħoloq ix-xogħol f’Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex qed ikisser lil min qed joħloq ix-xogħol f’Għawdex. Is-settur privat mhux isib ħaddiema minħabba li l-gvern qed idaħħal lill-ħaddiema fl-iskemi li qed jagħmel.

Hi tkellmet dwar il-monti li jarma fil-Pjazza tat-Tokk u li issa se jittieħed fi Pjazza Savina. Din se toħloq problema ta’ parkeġġ u m’hemmx l-approvazzjoni tal-bejjiegħa jew tar-residenti. Fil-monti hemm joperaw 40 familja li ilhom 90 sena jarmaw f’It-Tokk. Il-gvern ma kkonuslta ma ħadd dwar dan tant li l-bejjiegħa tal-monti kitbu lill-Prim Ministru, lill-Ministru għal Għawdex u lill-Ministru tal-Ekonomija iżda ma kellhomx risposta konkreta.

Ir-raġunijiet li tal-monti ngħataw kienu li qed iħammġu, minħabba l-festi tar-Rabat u minħabba li huma qed jgħattu parti mill-monument fil-Pjazza tat-Tokk. Dawn m’humiex raġunijiet validi, sostniet Marthese Portelli, li staqsiet jekk il-gvern iridx jaġevola lill-Każin tal-PL li jarma l-imwejjed barra fit-Tokk.

Marthese Portelli qalet li l-bejjiegħa tal-monti f’Għawdex kienu trattati b’mod differenti mill-Maltin, li kienu offruti somma ta’ €80,000 lil tal-monti li jarmaw il-Belt.

Hi tkellmet dwar l-iżvilupp f’Wied Għomor limiti ta’ San Ġwann, li hu l-uniku pulmen għal San Ġwnan u s-Swieqi u qalet li l-applikazzjoni għal żvilupp ta’ dar għall-anzjani ma kinitx aċċettata mill-Bord. Minkejja dan, min applika dakinhar għadu japplika sal-lum għaliex l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp qed jinbtu regolarment.