Lokali

Informazzjoni esklussiva mill-Kabinett ta’ Muscat

Ir-rapport tal-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex ilu Kastilja minn nhar it-Tnejn

Aġġornata

Ir-rapport tal-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex ilu Kastilja minn nhar it-Tnejn
Ibqgħu sewgu netnews.com.mt għal aktar dettalji esklussivi minn dak diskuss waqt il-laqgħa tal-Kabinett tal-Gvern ilbieraħ filgħodu

netnews.com.mt jista’ jiżvela b’mod esklussiv li r-rapport ta’ inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga ilu Kastilja minn nhar it-Tnejn li għadda u li l-istess rapport kien diskuss waqt il-laqgħa tal-Kabinett ilbieraħ filgħodu.

netnews.com.mt jista’ jikkonferma li d-diskussjoni waqt il-Kabinett kienet waħda taħraq u dan għaliex is-swaba kollha jippuntaw lejn żewġ Ministri li ltaqgħu ma’ missier wieħed mit-traffikanti tad-droga u li wara l-laqgħa, nbidlu l-istatements tant li dawn iż-żewġ traffikanti tad-droga ma tressqux il-Qorti.

L-inkjesta saret mill-kandidat tal-Partit Laburista John Vassallo u kellha tkun lesta sal-lum, l-Erbgħa 5 ta’ April. Iżda, kif qed jiżvela dan is-sit, din l-inkjesta ilha lesta jumejn, tant li ngħaddiet lill-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda. Sa issa, Muscat għadu ma lissen ebda kelma minn meta ngħatalu r-rapport ta’ inkjesta, iżda kull darba mistoqsi dwar dan il-każ, dejjem ħarab milli jwieġeb.

Dwar din l-istorja żvelata, NET News ħa l-ewwel kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li deher mifxul bil-mistoqsija. Flok wieġeb, Muscat infexx jgħajjar lil NET News. Ara x’qalilna fl-artiklu ppubblikat hawn.

Ilbieraħ, waqt il-programm Mhux Għax Jimpurtani, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li din l-inkjesta mistennija tkun whitewash.

Sal-lum, kemm il-Ministru Anton Refalo kif ukoll il-Ministru Manuel Mallia, li dakinhar kien il-Ministru tal-Pulizija ċaħdu li huma kienu preżenti għal din il-laqgħa jew li huma kienu nvoluti f’dan l-iskandlu.

Anke s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li hi kienet involuta, u dan wara li kienet qed tixxerred ittra anonima li kienet qed timplikaha f’dan il-każ.

Malli faqqa’ dan l-iskandlu nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar, il-Prim Ministru ħatar inkjesta li l-ewwel kienet immexxija mill-Avukat Frank Testa, li iżda rriżenja wara li ġew esposti numru ta’ Tweets li kien għamel favur il-Partit Laburista u kontra l-Partit Nazzjonalista. Imbagħad, il-Prim Ministru kien ħatar lill-kandidat tal-Partit Laburista John Vassallo, iżda ma kienx ippubblika t-termini ta’ referenza. Wara pressjoni kbira mill-Partit Nazzjonalista, fl-24 ta’ Marzu, ġew ippubblikati t-termini ta’ referenza.

It-Termini ta’ riferenza tal-Inkjesta

Fis-siegħat li ġejjin, netnews.com.mt se jkun qed jippubblika dettalji esklussivi mill-laqgħa tal-Kabinett tal-bieraħ filgħodu, b’rabta mar-rapport ta’ inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga t’Għawdex.
Segwi hawn id-dettalji tal-iskandlu tal-indħil ta’ politiċi tal-Gvern Laburista fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex: