Lokali

F’ġimgħatejn biss – 10 vittmi tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa

BirdLife Malta staqsiet x’inbidel mill-2015 lil hawn meta l-istaġun kien ingħalaq wara li nqatlu 4 għasafar protetti.

Is-soċjetà favur il-protezzjoni tal-għasafar saħqet li hekk kif eżatt wara r-referendum tal-kaċċa, lura fl-2015, il-Gvern kien ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbieggħa qabel iż-żmien wara li xi persuna sparat fuq Spanjulett.

Huma saħqu li immedjatament wara r-referendum, Joseph Muscat kien wissa li ma kienx se jittollera l-abbuż u dakinhar żamm kelmtu hekk kif malli seħħ dan il-każ għalaq l-istaġun kmieni wara li kienu nqatlu illegalment erba’ għasafar protetti.

Madanakollu BirdLife Malta insistiet li din is-sena ninsabu biss fit-tieni ġimgħa tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa u l-vittmi tal-istaġun tal-2017 issa żdiedu għal għaxra.

Għaldaqstant BirdLife Malta appellat lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex jagħlaq b’seħħ immedjat l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa biex ikunu mħarsa l-għasafar tal-passa li bħalissa jkunu fi triqithom lejn l-Ewropa biex ibejtu. Jekk jiġri dan, ikun fl-istess linja ta’ tolleranza zero kif wiegħed il-Prim Ministru nnifsu wara r-referendum ta’ April 2015.

Iżda wara dan kollu, is-soċjeta spjegat li l-unika reazzjoni li ħadet mill-Prim Ministru hu silenzju assolut.

BirdLife Malta għalhekk staqsiet, x’inbidel fl-aħħar sentejn?

L-aħħar żewġ vittmi tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena huma żewġ tajriet tal-priża oħra protetti – Bagħdan Aħmar li nġabar minn membri tal-pubbliku jumejn ilu fl-Imġarr, u Spanjulett Sekond raġel li nġabar mill-Pulizija ta’ Għawdex ilbieraħ.

Waqt li tal-ewwel kellu feriti kkawżati minn tiri ta’ senter f’għajnu u f’rasu, l-Ispanjulett Sekond sofra feriti gravi fil-ġewnaħ tal-lemin u siequ taxxellug. L-għasafar midruba kollha li kellna s’issa mill-ftuħ tal-istaġun huma għasafar komuni li jpassu minn fuq Malta fir-rebbiegħa u speċi li kollha jgawdu minn protezzjoni qawwija fl-Unjoni Ewropea.

BirdLife Malta insistiet li l-fatt li diġà kellna 10 każi fi ftit iktar minn ġimgħa ta’ kaċċa hu indikazzjoni ta’ kemm min dan it-tajr protett qed jispiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali.

F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana llum tenna ssejħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex b’effett immedjat jagħlaq l-istaġun kif għamel sentejn ilu wara li kienu nqatlu illegalment 4 għasafar protetti.