“Inwiegħed li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jagħmel l-akbar investiment fi proġetti li qatt ra pajjiżna”. Wiegħed dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività politika fil-Qrendi. “Il-wegħda tiegħi hija din: li Gvern ġdid Nazzjonalista iwettaq l-akbar investiment fi proġetti li qatt ra pajjiżna f’ħames snin ta’ mandat ta’ Gvern. Dan isir billi nagħmlu pjan nazzjonali għal proġetti li jridu jsiru, pjan nazzjonali għall-infrastruttura ta’ pajjiżna”, sostna Simon Busuttil.
“Dan il-pajjiż kemm se jdum jistrieħ fuq il-Partit Nazzjonalista? Jekk irridu nistrieħu fuq il-Partit Nazzjonalista, irid ikollna Gvern Nazzjonalista”, żied jgħid. Simon Busuttil irrefera għal sensiela ta’ proġetti mfassla minn Gvern Nazzjonalista, li qed jitgawdew illum. Fost dawn: l-interconnector li wassal għat-traħħis tal-kontijiet mingħajr il-powerstation tal-gass u l-isptar tal-onkoloġija: monument tal-investiment fil-qasam tas-saħħa.
“Dawn tiftakruhom dawn il-proġetti? Dawn huma proġetti mibdija, imfassla, maħduma mill-Partit Nazzjonalista” innota Simon Busuttil. “F’erba’ snin ta’ Gvern ta’ Joseph Muscat, dawn strieħu fuq il-Partit Nazzjonalista, għax il-pajjiż kien għadu qed igawdi mill-investiment tal-Partit Nazzjonalista. Il-pajjiż kien għadu qed igawdi mill-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista” żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-Qrendi, Simon Busuttil irrefera għas-surplus li qed jiftaħar bih il-Gvern, b’Simon Busuttil jgġid li dan ġie askapitu tal-investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies – għax il-Gvern ma jimpurtahx mill-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dan b’kuntrast għall-Partit Nazzjonalista, li lest joffri viżjoni għall-pajjiż.
“Il-Partit Nazzjonalista huwa partit li għandu viżjoni, li qed iħoss x’qed iħossu n-nies. Huwa l-partit li lest li joffri s-soluzzjonijiet għal dak li qed iħossu n-nies. U dak hu l-Partit Nazzjonalista: il-Partit li għandu viżjoni għal dak li jixtiequ n-nies, li t-tama tan-nies, l-aspirazzjonijiet tan-nies, ix-xewqat tan-nies kapaċi jsarrafhom f’realtà” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil semma li apparti l-akbar pjan ta’ proġetti infrastrutturali għal pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista dalwaqt se jkun qed iħabbar ukoll pjan għal sistema effiċjenti ta’ trasport.
L-attività politika fil-Qrendi kienet indirizzata wkoll mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali Doris Borg u Charles Bonello, li t-tnejn tkellmu dwar id-differenza bejn il-Gvern Laburista u l-Partit Nazzjonalista, bil-kelliema jinsistu li huwa biss il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li jista’ joffri Gvern nadif b’viżjoni għall-pajjiż.
//= $special ?>