Lokali

F’temp ta’ ftit sigħat fi tmiem il-ġimgħa… Kriminalità ta’ kull xorta tgħolli rasha

Din hija lista tal-kriminalità li ġrat bejn is-Sibt u t-Tnejn

Fi spazju ta’ ftit sigħat biss bejn nhar is-Sibt filgħaxija u sbieħ it-Tnejn filgħodu kienu rrappurtati diversi każi serji ta’ kriminalità varja li jindikaw bl-aktar mod ċar kif il-kriminalità f’Malta qed tkompli tgħolli rasha u toħloq inkwiet għal kulħadd, b’mod partikulari għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli.

Probabbilment li jitlef id-dawl mill-għajn ix-xellugija wara daqqa ta’ tazza tal-birra f’wiċċu

Dik li kellha tkun serata ta’ divertiment nhar is-Sibt filgħaxija, żviluppat fi traġedja meta żewġt irġiel daħlu fil-Munchies Bar li hemm f’Buġibba u f’ħin minnhom wieħed faqa’ tazza tal-birra f’wiċċ Malti li kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-Malti, Ryan Magro, li hu magħruf fix-xena mużikali Maltija, kien operat minnufih u nstab li kellu feriti gravi li jistgħu jwasslu biex jitlef id-dawl minn għajnu x-xellugija.

Iż-żewġ aggressuri – li l-Pulizija qed tagħmel tfittxija għalihom – ħarbu minnufih mill-post tal-inċident. Kollox żviluppa meta wieħed minn dawn iż-żewġt irġiel kien bl-akbar edukazzjoni mitlub joħroġ mill-bar minħabba li kien xurban. Hawnhekk dan ta daqqa ta’ tazza bil-birra lil Ryan Magro li kien bilwieqfa ħdejn il-bieb tal-bar. Is-suspett hu li dawn iż-żewġt irġiel huma Serbi u joqogħdu fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra. Grazzi għal filmati bis-CCTV, il-Pulizija qed tkompli tagħmel tfittxija għaż-żewġ aggressuri.

Omm Marokkina mhedda, imsawta u mogħtija pilloli biex tabortixxi tarbija ta’ xahrejn

Omm Marokkina ta’ 33 sena li toqgħod f’dar fis-Swieqi, nhar il-Ħadd waranofsinhar iddaħħlet minn bintha fl-Isptar Mater Dei wara li kienet imsawta mis-sieħeb tagħha bl-iskop li tabortixxi t-tarbija tagħha li għandha xahrejn. L-inċident seħħ filgħodu nhar il-Ħadd meta l-Libjan, li jiġi s-sieħeb tal-Marokkina – omm ta’ tliet ulied – beda jsawwatha u jħabbtilha rasha mal-ħajt biex iġegħilha toqtol lit-tarbija li għandha fil-ġuf tagħha.

Il-Marokkina ma ċedietx għas-swat tal-Libjan li ħarab mill-post bit-tifla l-kbira tal-Marokkina jirnexxilha tieħu ’l ommha l-Isptar fejn bdiet tingħata kura immedjata għall-ġrieħi li kellha kif ukoll kura biex tkun stabbilita l-kundizzjoni tat-tarbija. Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ, filwaqt li l-omm għadha qed tinżamm fid-Dipartiment tal-Ginekoloġija tal-Isptar Mater Dei.

Il-koppja kienu ilhom flimkien għal dawn l-aħħar xhur, iżda meta r-raġel sar jaf li l-mara kienet tqila minnu, ma aċċettax u hekk ir-relazzjoni bejniethom marret il-baħar u r-raġel beda jsir aggressiv. Il-Libjan hu magħruf sew mal-Pulizija Maltija. Aktar dettalji dwar dan il-każ qed jidhru f’paġna 5.

Il-post fejn seħħ l-inċident li fih omm Marokkina kienet imġiegħla tagħmel abort

Ħalliel jew ħallelin jidħlu f’dar ta’ anzjana u jisirquha b’aktar minn €20,000 fi flus, deheb u ġojjelli

Ħalliel jew ħallelin nhar il-Ħadd waranofsinhar irnexxielhom jidħlu f’residenza ta’ anzjana li toqgħod fi Triq Dun Pawl Laferla fis-Siġġiewi u jisirqulha aktar minn €20,000 fi flus, deheb u ġojjelli. Kienet l-anzjana stess li indunat b’dak li kien ġara hekk kif filgħaxija rritornat id-dar u sabet il-bieb ta’ barra sgassat. Meta daħlet ġewwa sabet ħafna taqlib. Meta mbagħad daħlet fil-kamra tas-sodda sabet il-gwardarobbi miftuħa u minnhom insterqu l-flus, id-deheb u l-ġojjelli kollha li kellha. Hi infurmat b’dan lill-Pulizija li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom.

L-anzjana, li għandha sebgħin sena, tgħix waħidha u nhar ta’ Ħadd għandha r-rutina li toħroġ mid-dar u tiltaqa’ ma’ xi ħbieb mis-Siġġiewi stess. Mistoqsija mill-Pulizija x’tiftakar li serqulha, l-anzjana qalet li kellha ftit tad-deheb mhux ħażin, fosthom ċrieket tad-deheb, il-fidda u d-djamanti, brazzuletti u ġiżarajjen tad-deheb, imsielet u oġġetti prezzjużi oħrajn.

Il-Pulizija tinterroga lil Kurt Grech fl-Isptar Mater Dei dwar id-delitt tal-Ħadd fil-Ħamrun

Il-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali tkellmu ma’ Kurt Grech ‘In-Nemes’ dwar id-delitt tal-Ħadd li għadda fil-Ħamrun. Kurt Grech ilbieraħ filgħodu ntbagħat id-dar mit-Taqsima tal-Cardiac Surgical fejn kien qiegħed jinżamm minħabba ġrieħi serji li ġarrab fil-ġlieda tal-Ħadd fejn dabbar daqqiet jew ta’ sikkina inkella ta’ biċċiet tal-madum bil-ponta.
Fil-ġlieda tal-Ħadd inqatel Brandon Pace, li hu missier ta’ tliet ulied.

Il-Pulizija qed tistenna r-rilaxx ta’ Kurt Grech biex tkun tista’ tipproċedi fil-Qorti dwar dak li ġara l-Ħadd li għadda.
Kollox inqala’ minħabba tfajla li kienet omm ta’ tarbija minn Kurt Grech, iżda dan l-aħħar kienet f’relazzjoni ma’ Brandon Pace.

Il-Pulizija tinvestiga aktar rapporti ta’ ħruq ta’ karozzi

F’dawn il-jiem diversi kienu r-rapporti dwar ħruq ta’ karozzi pparkjati li l-Pulizija bdiet investigazzjonijiet dwarhom. Fil-jiem li għaddew kienu rappurtati każi f’lokalitajiet differenti u l-Pulizija qed tipprova tistabbilixxi l-mottiv moħbi wara dawn l-attentati u jekk hemmx xi konnessjonijiet bejn dawn il-każi, fosthom xi konnessjoni ta’ tpattija.

Il-karozza li nqerdet totalment bin-nar f’Birkirkara