Lokali Parlament

II-professjoni tal-inġinerija għandha tkun imsaħħa

– Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus appella biex il-professjoni tal-inġinerija tkun imsaħħa billi jsiru l-bidliet neċessarji fil-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-Parlament li l-abbozz ta’ liġi li se jemenda l-att tal-professjoni tal-inġiniera qed isir fl-isfond tad-direttivi tal-UE.

Dan jitratta r-rikonoxximent tal-kwalifiċi u l-proviżjoni tas-servizzi professjonali fejn qed tinbidel it-tifsira tal-kunċett tat-tagħlim tul il-ħajja għaliex illum hu fatt li l-gradwazzjoni ma tfissirx li l-persuni jibqgħu kurrenti mal-professjoni.

L-inġinerija hi waħda mill-aktar professjonijiet li fiha jkun hemm bidliet u għalhekk hemm il-ħtieġa li jkun aġġornament kontinwu minħabba l-avvanzi teknoloġiċi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Kamra tal-Inġiniera toffri korsijiet tul il-ħajja biex l-inġinier jagħżel dawk li jkunu ta’ interess għalih.

Dwar l-għarfien reċiporku tal-kwalifiċi bejn l-istati membri tal-UE, Ryan Callus qal li l-kompatibbiltà tal-kwalifiċi tgħaqqad lill-pajjiżi flimkien. L-istati membri m’għandhomx iwaqqfu lill-inġiniera milli jipprattikaw fil-pajjiżi rispettivi għaliex għandhom ikunu irkonoxxuti.

Ryan Callus tkellem dwar ir-rwol tal-Bord tal-Inġiniera fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-inġiniera prattikamenti biex ir-risposti jingħataw b’perjodu raġonevoli.

Il-Bord hu marbut li jikkunsidra kull applikazzjoni li ġejja minn inġinier u jekk ma jilqax it-talba tal-inġinier li applika jrid jagħti r-raġunijiet għaliex irrifjuta. Jekk ir-raġunijiet ma jingħatawx, l-inġinier involut jista’ jibda jipprattika bis-servizzi tiegħu fl-inġinerija wara ċertu perjodu ta żmien.
Il-Kamra tal-Inġiniera m’għandhomx oġġezzjonijiet għal dawn l-emendi.

Ryan Callus appella lill-Ministru Joe Mizzi biex isir it-tibdil fl-att li jirregola l-professjoni tal-inġiniera biex l-inġinerija tkompli tirrifletti l-industirja u l-ħtiġijiet tal-lum.