Lokali

“Il-PN għandu l-valuri tas-solidarjetà u tal-ġustizzja soċjali”

Ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, il-kelliem għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar u Stephen Spiteri, il-kelliem għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Housing waqt il-laqgħa ma' Caritas Europa

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-valuri tas-solidarjetà u tal-ġustizzja soċjali biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u dawn huma l-istess valuri ta’ Caritas Europa.

Paula Mifsud Bonniċi, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali qalet dan waqt laqgħa li delegazzjoni ta’ Caritas Europa kellha ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali tal-PN li kienet tinkludi wkoll lil Robert Cutajar, il-kelliem għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà u Stephen Spiteri, il-kelliem għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Housing.

Paula Mifsud Bonnici qalet li għalkemm f’pajjiżna hawn tkabbir ekonomiku dan mhux jinħass minn dawk fil-faxxa t’isfel tas-soċjetà u qed tikber il-qasam bejn dawk ta’ fuq u dawk ta’ isfel għax il-ġid mhux qed jitqassam b’mod ugwali.

Hi ikkwotat studju ta’ Caritas Malta li ħafna familji mhux qed jaqilgħu biħħejjed biex jgħixu ħajja diċenti u qalet li l-ikel għola b’16 fil-mija mis-sena 2012 sas-sena li għaddiet. Minn 90,000 pensjonant, hawn 40,000 b’pensjoni ta’ inqas minn €620 fix-xahar u 16,000 għandhom pensjoni ta’ inqas minn €500. Dawn isibuha diffiċli biex jgħixu ħajja diċenti. Semmiet ukoll il-prezzijiet għoljin tal-kera u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Oppożizzjoni mhux biss tikkritika lill-Gvern imma nake toħroġ bi proposti tant li ħarġet diversi dokumenti b’mijiet ta’ proposti fosthom żewġ dokumenti ta’ qabel il-baġit. Minn 90 proposta li 22 minnhom kienu dwar il-qasam tal-ġustizzja soċjali, il-Gvern ħa tmienja minnhom.

Fost il-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni hemm titjib fil-pensjonijiet, titjib fil-kura tas-saħħa, mediċini b’xejn għall-anzjani u ġlieda kontra x-xogħol prekarju u t-traffikar tad-droga li jidher li l-Gvern mhux jagħmel biżżejjed dwarhom. Proposta oħra mill-Oppożizzjoni hi li tiżdied il-paga minima.

Shannon Pfohman, il-Kap tal-Unit tal-Policy and Advocacy ta’ Caritas Europa qalet li din għandha 49 organizazzjoni tal-Caritas Ewropej bħala membri li jirrappreżentaw 46 pajjiż Ewropew. Dawn jaħdmu flimkien lejn il-viżjoni li jibnu ċiviltà ta’ mħabba u ġustizzja fejn kull persuna tista’ tevolvi u tgħix fil-paċi u b’dinjità bħala parti minn familja umana waħda.

Hi qalet li f’Malta huma qed jiltaqgħu ma dawk li jagħmlu l-policies u mal-għalliema biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet favur it-titjib tas-soċjetà u anke tar-refuġjati u tal-immigranti. Huma qed iħarsu wkoll lejn il-faqar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u issa li Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE hu importanti li jiltaqgħu ma dawk li jagħmlu l-policies f’Malta.

Shannon Pfohman qalet li wieħed irid jisma lin-nies u joħroġ bis-soluzzjonijiet billi jinvolvi lin-nies fis-soluzzjonijiet. Hi qalet li l-politika soċjali Ewropea hi mibnija fuq tliet pilastri. Dawn huma l-appoġġ tal-familja, iż-żieda fis-suq tax-xogħol u s-sistema tal-protezzjoni soċjali.