Ewropa

“Ir-Renju Unit se jkollu jagħmel sagrifiċċji”

Mill-arkivji: L-MEP David Casa jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu
Illum il-Parlament Ewropew iddiskuta Brexit

Wara l-vot favur Brexit, l-Ingliżi bilfors iridu jagħmlu sagrifiċċji. Hekk stqarr l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa fid-diskors li għamel illum fil-Plenarja ġewwa Strasburgu.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Grupp tal-PPE fakkar fir-rabtiet importanti li hemm bejn Malta u r-Renju Unit. “Issa fuq livell ta’ UE irridu naraw x’għandhom ikunu l-aħjar relazzjonijiet mal-Ingliżi”.

Li hu żgur, sostna Casa, hu li r-Renju Unit irid jissagrifika ħafna affarijiet tul il-proċess ta’ Brexit. “Ma jistax ikun li jagħmlu għażliet għall-benefiċċju tagħhom biss”.

Filwaqt li tkellem dwar kawtela, Casa esprima l-konvinzjoni tiegħu li fin-negozjati fis-sentejn li ġejjin jista’ jintlaħaq kompromess.

Fl-istess diskussjoni tkellem ukoll Nigel Farage, wieħed mill-promoturi ewlenin ta’ Brexit, illi esprima r-rabja tiegħu għall-fatt li l-Gvern Ingliż se jkollu joħroġ miljuni kbar ta’ flus biex iħallu l-Unjoni Ewropea.