Kurżitajiet Lokali

Lovin Malta mhux se jikkontestaw… imma se jagħmlu kampanja xorta waħda

Iċ-ċajta ta' LovinMalta f'April Fool's qed tinbidel f'xi ħaġa ta' vera; imniedi 'crowdfunding' biex il-pubbliku jkun jista' jgħin f'kampanja nazzjonali

Il-website popolari Lovin Malta ħabbret li rtirat l-applikazzjoni tagħha mal-Kummissjoni Elettorali biex tikkontesta l-elezzjoni ġenerali, imma ħabbret li xorta waħda se tkun qed tagħmel kampanja biex Malta tmur għall-aħjar. U għal dan il-għan, ġie mniedi ‘crowdfunding’ biex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel il-kampanja ta’ LovinMalta realtà.

F’April Fool’s, Lovin Malta ħabbret li kienet tefgħet applikazzjoni biex tikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Għalkemm l-intenzjoni kienet ċajtiera, l-applikazzjoni kienet intefgħet bis-serjetà, tant li l-Kummissjoni Elettorali kienet ikkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni. Iċ-ċajta ta’ Lovin Malta kienet elaborata, tant li l-website mhux biss ippubblikat video tal-kampanja, iżda saħansitra nediet programm elettorali.

Filwaqt li April Fool’s għadda u mar, Lovin Malta ħabbret li rtirat l-applikazzjoni biex tikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Madanakollu, ħabbret ukoll li xorta waħda se tkun qed tagħmel kampanja biex tippromwovi l-ideat tagħha u li kisbu l-appoġġ ta’ ħafna nies.

Fost dawn l-ideat, li kienu wkoll parti mill-programm elettorali ta’ Lovin Malta għal April Fool’s, hemm iż-żieda ta’ żoni ODŻ, iż-żieda ta’ parks pubbliċi, introduzzjoni ta’ online voting, pubblikazzjoni online tal-kuntratti kollha tal-Gvern, il-legaliżazzjoni tal-ħaxixa, l-użu tat-taxxi tan-nies fl-edukazzjoni u s-saħħa mentali, ħidma biex Għawdex issir inkubatur għall-eco-startups u tnaqqis tal-ġimgħa tax-xogħol għal 35 siegħa.

Biex tagħmel kampanja ta’ informazzjoni b’dan il-proposti, Lovin Malta ħabbret li bdiet ‘crowdfunding‘, fejn il-pubbliku jista’ jikkontribwixxi ftit flus biex din il-kampanja ssir realtà.

“Biċ-ċajta ta’ April Foll’s ġibna l-attenzjoni li ridna biex nibdew xi ħaġa ferm akbar u aħjar. Jekk in-nies vera jridu jbiddlu l-politika, għandhom iċ-ċans li jagħmlu dan billi jgħinuna f’din il-kampanja” kiteb il-fundatur ta’ LovinMalta Chris Peregin f’artiklu fuq il-website. “Jekk 200 persuna jagħtu donazzjoni ta’ €10 kullwieħed, ikollna flus biżejjed biex nagħmlu billboard għal xahrejn. Jekk 1,000 persuna jagħtu €25, inkunu nistgħu nagħmlu kampanja nazzjonali” żied jgħid.

Mill-ewwel mira ta’ €2,000, LovinMalta diġa rnexxielhom jiġbru €345.