Malta tikser Artiklu 37 ta’ TFEU
Skont l-aħħar ċifri ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Bullettin tagħha ta’ kull ġimgħa dwar iż-żejt u dwar il-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt għall-konsumatur u t-taxxi u s-sisa fuq il-fuel ippubblikat fis-27 ta’ Marzu, jirriżulta li t-taxxa ta’ 56.079 ċenteżmu kull litru hi l-ogħla fit-28 pajjiż membru tal-UE. Il-prezz medju tat-taxxa fuq il-petrol u t-taxxi fl-UE hu ta’ 49.476 ċenteżmu kull litru.
Dan iwassal għal mistoqsija jekk hux possibbli li l-kumpanija Enemed tinforma lill-pubbliku minn fejn qegħda tixtri l-petrol , b’liema rata u kemm qed tagħmel profitt. Mistoqsija oħra hi meta l-Enemed se tibda tissottometti s-sejħiet fuq is-sistema online għat-tender fuq it-Tenders electronic daily tal-UE (TED) bħalma jagħmlu kumpaniji f’pajjiżi oħra tal-UE u kemm se jdumu l-konsumaturi Maltin jibqgħu jiħu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi fl-UE.
Skont Artiklu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjoni tal-UE (TFEU) il-pajjiżi membri għandhom jaġġustaw kull monopolju tal-istat ta’ natura kummerċjali biex jassiguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li taħthom prodotti huma mixtrija u mibjugħa bejn ċittadini mill-istati membri.
Il-provvedimenti ta’ dan l-Artiklu għandhom japplikaw għal korp li permezz tiegħu stat membru tal-UE, jagħmel superviżjoni, jiddetermina jew jinfluwenza l-importazzjoni jew l-esportazzjoni bejn l-istati membri. Dawn il-provvedimenti għandhom għalhekk japplikaw ukoll għall-monopolji delegati mill-istat lil oħrajn.
L-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol f’Malta mill-kumpanija Enemed hi każ ċar ta’ ksur tal-Artiklu TFEU.
Wieħed għalhekk jistaqsi xi brad ta’ petrokl qed jixtru ċ-ċittadini Maltin. Il-marketing tal-Enemed m’hu jgħid xejn dwar dan. Għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed tħalli din is-sitwazzjoni f’Malta u għalqet il-proċeduri ta’ ksur ta’ liġi kontra Malta aktar minn disa’ snin ilu bla ma stenniet biex tara kif il-liġi l-ġdida se tkun implimentata.
Wieħed ma jistax jemmen li filwaqt li Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qed tikser wieħed mill-artikli ta’ wieħed mit-trattati bħalikieku m’hu jiġri xejn.
Sadattant hekk kif fil-jiem li għaddew il-prezz internazzjonali taż-żejt kompla nieżel, il-prezzijiet f’Malta baqgħu fost l-ogħla fil-pajjiżi tal-UE meta ftit ġimgħat ilu l-Gvern għolla l-prezzijiet tal-petrol, tad-diesel u tal-pitrolji b’erba ċenteżmi oħra.
//= $special ?>