Il-viżjoni ekonomika tal-Gvern ta’ Muscat hi żero
In-nefqa tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-infrastruttura permezz tal-ispiża kapitali hi l-inqas fl-aħħar 10 snin tant li filwaqt li fis-sena 2012 – li kienet l-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista – in-nefqa kienet ta’ €364 miljun jew 12 fil-mija tan-nefqa kollha tal-Gvern, is-sena li għaddiet in-nefqa tal-Gvern ta’ Muscat niżlet għal €310 miljun jew 8 fil-mija tan-nefqa tal-Gvern.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament qal dan waqt il-programm NET LIVE fuq Net Television.
Mario de Marco qal li l-ispiża kapitali tal-gvern tintuża għal proġetti bħat toroq, għall-bini ta’ skejjel ġodda u proġetti oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u gvern Nazzjonalista kien jinvesti ferm aktar fil-proġetti. Imma l-Gvern ta’ Muscat naqqas l-ispiża għall-proġetti filwaqt li żied b’mod qawwi in-nefqa rikorrenti.
Hu spjega li filwaqt li n-nefqa rikorrenti tal-gvern fl-2012 kienet €2,500 miljun, is-sena li għaddiet il-Gvern ta’ Muscat sploda n-nefqa rikorrenti għal €3,300 miljun jiġifieri żieda ta’ €800 miljun. Dan juri li l-Gvern preżenti ma jiddejjaqx jonfoq f’paġi bla bżonn, imma imbagħad jixxaħħaħ biex jinvesti fl-pinfrastruttura tal-pajjiż. Semma kif il-Gvern ta’ Muscat ma kompliet bil-programm ta’ bini ta’ skola ġdida kull sena li kien beda gvern Nazzjonalista, qal li jrid jagħmel bridge bejn Malta u Għawdex u saru studji imma wara qal li aħjar issir mina li kienet il-proposta tal-Partit Nazzjonalista. Wiegħed l-airstrip u l-cruise liner terminal f’Għawdex imma m’għamel xejn. L-uniku proġett li qed isir hu dak tal-flyovers ta’ Triq Reġjonali li wkoll kien maħsub u ġab il-fondi għalih mill-UE il-gvern Nazzjonalista.
Dwar id-dħul tal-Gvern, Mario de Marco qal li dan kien l-inqas mill-1980.
Mario de Marco qal li kemm il-Bank Ċentrali u anke Fond Monetarju Internazzjonali wissew lill-Gvern dwar in-nefqa żejda li qed jagħmel billi jdaħħal ħafna nies jaħdmu mal-Gvern meta ma jkunx hemm bżonn u anke jagħti pagi għolja lil dawk ta’ ġewwa u jberbaq il-flus.
Min-naħa l-oħra mid-90,000 pensjonant hemm 40,000 li għandhom pensjoni minima u ħaddiema li għandhom paga minima li mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-bejgħ taċ-ċittadinanza hu xi ħaġa għal perijodu qasir ta’ żmien u hemm limitu u għalhekk dan mhux settur ekonomiku. Hu qal li setturi ekonomiċi huma l-industrija tal-avjazzjoni, it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, l-igaming li kollha ġabhom gvern Nazzjonalista li kellu viżjoni ekonomika. Imma l-viżjoni ekonomika tal-Gvern ta’ Muscat hi żero temm Mario de Marco.
//= $special ?>