Internazzjonali

Sparata missila mill-Korea komunista qabel iż-żjara ta’ Trump fiċ-Ċina

Il-Korea ta’ Fuq wettqet testijiet b’missili li qed ikunu interpretati bħala sfida hekk kif il-President Amerikan Donald Trump mistenni jiltaqa’ mal-President Ċiniż Xi Jinping li hu alleat tal-Korea ta’ Fuq l-aktar fuq livell ekonomiku.

Jirriżulta li l-missila niżlet fil-territorju marittimu tal-Ġappun. Jirriżulta wkoll li l-missila ġiet sparata hekk kif truppi tal-Korea ta’ Isfel u l-Istati Uniti kienu għaddejjin b’taħriġ ta’ rutina li fi Pyongyang hu taħriġ meqjus bħala theddida.

Minn naħa tiegħu l-President Amerikan wissa li jekk iċ-Ċina mhix se ssib tarf it-theddida nukleari mill-Korea ta’ Fuq, allura l-Istati Uniti kienet lesta tagħmel dan waħedha.

Iċ-Ċina hi l-akbar alleat tal-Korea ta’ Fuq u tgħin ir-reġim fost l-oħrajn b’ħafna għajnuna ekonomika, imma l-Gvern f’Beijing isostni li m’għandux influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu mir-reġim f’Pyongyang.

B’hekk tul il-laqgħa bejn Trump u Xi Jinping , it-theddida nukleari mill-Korea ta’ Fuq mistennija tkun fuq l-agenda.