Dak li beda mill-Amministrazzjoni preċedenti u tkompla tul din il-leġiżlatura ingħata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Qed nirreferu għall-proġetti u l-attivitajiet kollha marbuta mal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018 li se tkun il-Belt Valletta u li għalihom il-Fondazzjoni ingħatat ir-rikonoxximent Melina Mercouri.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ic-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li mill-2013 sa ftit tal-jiem ilu saru laqgħat mall-Kummissjoni Ewropea għall-Kultura sabiex ikollha l-informazzjoni neċessarja dwar l-istruttura tal-V18, il-finanzi u l-mod kif ikunu amministrati u ġew anke ppreżentati xi rapporti minn naħa tal-Fondazzjoni lill-Kummissjoni biex iwieġbu lill-bord tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet li sarulhom biex ikun approvat it-titlu b’mod sħiħ.
Micallef qal wkoll li l-fondi għall-V18 ġejjin minn fondi pubbliċi, fondi ewropej, madwar miljun u nofs grazzi għar-rikonoxximent Melina Mercouri u fondi minn entitajiet u awtoritajiet differenti.
Jason Micallef kompla jgħid li l-programm ta’ attivitajiet tul is-sena għandu dimensjoni Ewropea qawwija. Qal wkoll li f’dan kollu jirringrazzja lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li dejjem tat is-sapport tagħha fil-ħidma tal-Fondazzjoni li jmexxi hu.
Preżenti wkoll kien hemm il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder li spjega kif irridu nħarsu ‘il hinn mil-V18.
Minn naħa tiegħu l-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici irringrazzja lil Karl Gouder għas-sapport inkondizzjonat li dejjem ta favur il-Valletta 2018.
Ingħad li l-iskop tal-V18 jinqasam fi tlieta ; fejn se morru wara l-2018, li nressqu l-kultura l-Belt Valletta u li l-kultura m’hix biss passatemp imma hu qasam li joffri l-karrieri.
Il-Ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018 se jsir fl-20 ta’ Jannar tas-sena ddiehla.
//= $special ?>

