F’partita importanti mill-kampjonat Premier illejla, Valletta għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 1-0 wara goal importanti fl-aħħar ħames minuti tal-partita li tfisser li issa Valletta u Balzan jinsabu biss żewġ punti wara Hibs, b’4 partiti ‘l bogħod minn tmiem il-kampjonat.
Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Valletta kontra Hibs f’dan il-kampjonat.
Hekk kif il-logħba dehret li kienet riesqa lejn draw, Valletta skurjaw permezz ta’ Steve Borg li skurja mill-viċin f’azzjoni konfuża fil-kaxxa.
Issa, fi tmiem il-ġimgħa, Hibs imisshom jilagħbu kontra Floriana filwaqt li Valletta jmisshom jilagħbu kontra Gżira United.
Balzan, li llum rebħu kontra Gżira United, minn naha tagħhom jilagħbu kontra Birkirkara.
MOSTA V ST ANDREWS
Għall-ewwel darba f’dan l-istaġun St. Andrew’s għelbu lil Mosta biex komplew jinqatgħu kompletament miż-żona tal-periklu fejn issa fetħu vantaġġ ta’ 15-il punt fuq l-istess Mosta, li f’dan l-istadju jistgħu jittamaw biss fil-play-off kontra r-raba’ tim mill-ewwel diviżjoni. Il-loghba ntemmet fi skor ta’ 2-1.
Fl-24 minuta St. Andrew’s fetħu l-iskor meta minn kross mix-xellug ta’ Paz, kien NWOKO li bir-ras għeleb lil Cini.
Fl-34 minuta Mosta ġabu d-draw. Xutt ta’ Mifsud Triganza kien salvat minn Galea u mir-rebound kien hemm l-imbuttatura evidenti ta’ Kesinovic fuq Magro taħt għajnejn ir-referee li mill-ewwel ordna l-penalty, li minnu PEDRO DOS SANTOS CALCADO ma żbaljax b’xutt preċiż fil-baxx.
Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Mosta sfortunati meta minn kross ta’ Onwudingo, kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Calcado li kienet salvata minn Galea megħjun mil-lasta u mir-rebound ix-xutt mill-viċin ta’ Mifsud Triganza kienet mill-ġdid salvata minn Galea.
Minuta wara is-Saints mill-ġdid fil-vantaġġ b’xutt minn tar fil-kaxxa ta’ DALE CAMILLERI bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka ghal skor finali ta’ 2-1.
BALZAN V GZIRA
Tliet gowls fi spazju ta’ disa’ minuti fil-bidu tat-tieni taqsima wittew it-triq għal rebħa komda għal Balzan fuq Gżira.
Wara taqsima bla gowls Balzan marru fil-vantaġġ fid-49 minuta. Cross-shot ta’ Effiong mix-xellug, il-gowlkiper ta’ Gżira Jurgen Borg salva temporanjament u mir-rebound Abdel-Karim NAFTI li b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa tefa’ fir-rokna tax-xibka.
Tliet minuti wara Balzan rduppjaw. Minn azzjoni ta’ Lydon Micallef dan twaqqa’ fil-kaxxa meta pprova jgħaddi bejn żewġ difensuri, ir-referee Clayton Pisani saffar penalty li minnu l-istess Lydon MICALLEF ma falliex.
Fit-58 minuta s-solitu Bojan KALJEVIC li kien għadu kif daħal bħala sostitut, skurja bir-ras minn freekick ta’ Ryan Fenech. Grazzi għal dan il-gowl Kaljevic kompla saħħaħ postu fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.
Ħdax-il minuta mit-tmiem Gżira ngħataw penalty għal fawl ta’ Samir Arab fuq Claudio Reyna imma l-istess Reyna tefa’ l-ballun għoli.
Balzan spiċċaw jilagħbu għaxra żewġ minuti mit-tmiem meta Arab tkeċċa b’karta ħamra diretta għal daħla kerha fuq Dyson Falzon u fid-90 minuta Gżira skurjaw il-gowl tal-bandiera minn Zachary Scerri.
HAMRUN V FLORIANA
Floriana saħħew il-ħames post meta fil-Victor Tedesco Stadium għelbu lil Hamrun 2-1. Kienu Alex Cini li poġġa lil-Greens fil-vantaġġ wara biss 14-il minuta imma żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Motta ġab id-draw għall-Ispartans.
20 minuta mit-tmiem Floriana ngħataw penalty u Fontanella ma żbaljax mill-11-il metru biex reġa poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ. Minuta wara Floriana spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa Steve Pisani imma sitt minuti wara anke Hamrun spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa Samir Arab u minn hawn ‘il quddiem Hamrun ma setgħux isibu d-draw għal skor finali ta’ 2-1.
//= $special ?>