netnews.com.mt jista’ jiżvela b’mod esklussiv li ftit tal-ħin ilu, l-Prim Ministru sejjaħ lill-kandidat Laburista John Vassallo biex imur malajr f’Kastilja biex jiddiskuti r-rapport tal-inkjesta li għamel dwar l-indħil ta’ żewġ Ministri f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex.
Din mhix l-ewwel ċirkostanza fejn John Vassallo ssejjaħ b’mod immedjat biex imur Kastilja għaliex, kif żvela netnews.com.mt, anke lbieraħ, John Vassallo kien qiegħed f’laqgħa Kastilja dwar din l-inkjesta.
Ir-rapport oriġinali ngħadda lill-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda, iżda l-Prim Ministru talab kjarifiċi, u lbieraħ ingħata t-tieni verżjoni ta’ dan ir-rapport.
Sa issa, l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u l-eks Ministru tal-Pulizija Manuel Mallia dejjem ċaħdu li kienu huma li f’lejl ta’ Ottubru 2013, tard filgħaxija, ltaqgħu ma’ missier wieħed mit-traffikanti tad-drogi nvoluti f’dan il-każ. Wara li saret din il-laqgħa, nbidel statement quddiem il-Pulizija, u li wassal biex iż-żewġ traffikanti tad-droga ma jitresqqux il-Qorti.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru nqabad jigdeb dwar dan il-każ. Fil-fatt, wara li netnews.com.mt żvela li r-rapport tal-inkjesta kien ilu għand il-Prim Ministru mit-Tnejn u li dan ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kabinett tat-tlieta filgħodu, aktar tard matul il-ġurnata, l-istess Prim Ministru kellu joħroġ stqarrija biex jirtira dak li kien qal filgħodu, u jammetti li r-rapport tal-inkjesta kien diġà għandu, u li talab it-tieni verżjoni tiegħu.
//= $special ?>