Sabiex niżguraw li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu dmirhom tassew b’awtonomija, il-Partit Nazzjonalista jipproponi li min imexxi dawn l-istess istituzzjonijiet ikunu maħtura bi qbil ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista lill-ġurnalisti.
Bis-sistema taż-żewġ terzi, qal Simon Busuttil, in-nies ikunu jistgħu jserrħu rashom li l-istituzzjonijiet qegħdin jimxu b’indipendenza sħiħa. Huwa qal li l-istituzzjonijijet għandhom ikunu hemm biex iħarsu lin-nies u mhux biex jgħattu xtur il-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ eżempji bħall-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali, li ġew eletti miż-żewġ naħat tal-Kamra, u li jikkonfermaw kemm din il-proposta tista’ ssir u li sservi ta’ ġid.
Simon Busuttil qal li llum diġà għandna liġi li tipprevedi li l-Gvern jista’ jappunta nkjesta, iżda l-problema hija li għandna Gvern li qiegħed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu. Huwa qal li għall-inkjesta dwar l-indħil ta’ politiċi fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex, il-Gvern kien imissu waqqaf inkjesta tassew indipendenti.
Minflok, kompla Simon Busuttil, il-Gvern ta’ Joseph Muscat, fejn irid, jagħmel inkjesta bi tliet imħallfin, u fejn irid, jagħmel inkjesta mmexxija minn kandidat Laburista.
Simon Busuttil qal li ma tistax tippretendi li min qiegħed imexxi din l-inkjesta se jinvestiga bis-serjetà lill-politiċi Labursiti, speċjalment jekk dawn ikunu Ministri, ladarba huwa stess kien kandidat Laburista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-problema vera hija n-nuqqas ta’ indipendenza fl-istituzzjonjijet li mhumiex jitħallew joperaw b’awtonomija.
Simon Busuttil qal li huwa jiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ħalli dawn ikunu jistgħu jaħdmu f’libertà. Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għamel ħerba sħiħa u llum ħadd m’għandu fiduċja f’dawn l-istituzzjonijijet.
//= $special ?>