Lokali

FILMAT: Il-Kumitat Pana iddiżappuntat bil-Gvern

Il-Kumitat Pana maħtur mill-Parlament Ewropew jinsab iddiżappuntat bin-nuqqas ta' kollaborazzjoni mill-Gvern Malti

“Għall-politiku hu importanti ħafna li jkun mill-aktar trasparenti, aktar u aktar għaċ-ċittadini – allura jien nistenna li tal-inqas nistaqsi, ninterroga u nissospendi lil dawk il-politiċi involuti” – kliem il-kordinatur tal-Kumitat Pana, l-MEP Dariusz Rosati meta tkellem dwar l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fl-iskandlu tal-Panama Papers , u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-kordinatur tal-Kumitat Pana qal li issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat, hekk kif il-Parlament Ewropew qed jitlob li ċ-Chief of Staff tiegħu – Keith Schembri – jitla’ Brussell biex jiġi investigat.

Meta mistoqsi mill-preżentatur ta’ Iswed fuq l-Abjad Frank Psaila, Dariusz Rosati qal li jinsab sorpriż kif il-kelliem għall-Gvern Laburista akkuża liċ-Chairman tal-Kumitat Pana li hu parti mill-kampanja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-kordinatur tal-Kumitat Pana spjega għalfejn huma ġew Malta jinvestigaw dan l-iskandlu – u kif Konrad Mizzi tefa’ flusu f’tax haven.

L-MEP Polakk qal li hu l-obbligu ta’ kull ċittadin Ewropew li jikkollabora mal-Parlament Ewropew – aħseb u ara kemm hu aktar importanti għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-kordinatur tal-Kumitat Pana qal li hu ixxukjat kif il-Gvern qed jipprova jxekkel il-ħidma tal-Parlament Ewropew milli toħroġ il-verita’, u jipprova jiddubita fil-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Fl-aħħar, Dariusz Rosati temm jgħid li hu pretenda aktar mill-Prim Minsitru Joseph Muscat.