Lokali

FILMAT: Owen Bonnici jibqa’ jgħid li ma jeżistix r-rapport ta’ Identity Malta

Il-Ministru Owen Bonnici jibqa’ jgħid li dan l-artiklu tal-Malta Independent huwa gidba

Minkejja li Identity Malta kkonfermat li sar eżerċizzju intern, fejn minnu ħareġ illi minn 300 persuna hemm 80 li huma rreġistrati aktar minn darba – il-Ministru Owen Bonnici jibqa’ jgħid li dan l-artiklu huwa gidba.

F’konferenza tal-aħbarijiet, NET News talab lill-Ministru Owen Bonnici jekk hux se jitlob skuża għal meta qal li d-dokumenti maħruġa mill-gazzetta The Malta Independent huma gidba, hekk kif eżerċizzju intern qatt ma sar.

L-artiklu ta’ The Malta Independent li jikkonferma

 

Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Owen Bonnici kellu jammetti li kien qed jigdeb: kemm meta qal li mhux veru jeżisti rapport ta’ Identity Malta, kif ukoll meta qal li mhux veru li hemm individwi li għandhom aktar minn vot wieħed. Dakinhar li The Malta Independent on Sunday kixfet dan l-iskandlu, Joseph Muscat u Owen Bonnici kienu ħarġu jgħajjru lill-ġurnalisti u qalu li din kienet biss invenzjoni, li ma jeżisti ebda rapport, u li mhux veru hemm individwi li għandhom voti doppji. Illum, Muscat u Bonnici kellhom jibilgħu kliemhom lura u jammettu li r-rapporti tal-gazzetti huma korretti mill-bidu sal-aħħar.

 

Il-Partit Nazzjonalista nsista li din il-gidba tkompli tikkonferma kemm Owen Bonnici ma jistax jiġi afdat biex jinvestiga l-abbuż li hu stess responsabbli għalih. Flok jibqgħu jinjoraw il-verità dokumentata, Joseph Muscat u Owen Bonnici għandhom jerfgħu r-responsabbiltà, mhux biss għall-fatt li hemm individwi b’aktar minn vot wieħed, iżda għall-gideb tagħhom stess biex jgħattu dan l-abbuż.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan l-iskandlu, fejn ġie żvelat u kkonfermat li hemm individwi b’aktar minn vot wieħed fir-reġistru elettorali, jibda u jispiċċa mal-Prim Ministru, li kien hu li, fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħa wara li ħa l-Gvern, kien li jwelled Identity Malta – aġenzija mifnija f’korruzzjoni kbira.