Lokali

Ħaddiema fl-isptarijiet b’aktar direttivi kontra l-Gvern

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Il-UĦM Voice of the Workers tagħti aktar direttivi lill-ħaddiema fl-isptarijiet - wara li l-Gvern qed ikaxkar saqajh

Il-UĦM Voice of the Workers, għat-tielet ġimgħa infila, tagħti direttivi lill-inġiniera fis-settur tal-biomediċina – dan hekk kif id-diskussjonijiet mal-Gvern, dwar numru ta’ problemi, waqfu. L-azzjonijiet industrijali bdew fl-20 ta’ Marzu – 18-il ġurnata ilu – bil-UĦM Voice of the Workers iġġedded d-direttivi kull ġimgħa.

Il-UĦM Voice of the Workers stqarret li l-Gvern ma jridx jasal fi ftehim u qed ikompli jkaxkar saqajh. L-azzjonijiet industrijali ttieħdu wara diversi talbiet dwar il-pagi, li l-Gvern minn naħa tiegħu ma aċċettax. Il-Union qalet li ma kellha xejn aktar x’tagħmel ħlief tieħu passi kontra l-Gvern.

Id-direttiva li qed tiġi fis-seħħ qed tafettwa l-ħaddiema fl-isptarijiet tal-Gvern, fil-homes tal-anzjani, ċentri tas-saħħa u anke ċ-ċimiterju tal-Addolorata. L-azzjonijiet industrijali jinkludu direttivi fejn il-ħaddiema jirrifjutaw struzzjonijiet ta’ xiri ta’ apparat.

Id-direttivi li żdiedu din il-ġimgħa jinkludu li l-inġienera fis-settur tal-biomediċina ma jipparteċipawx fil-proċess ta’ tenders tal-Gvern, u anke li ma jsirx xogħol relatat ma’ apparat sakemm dan ma jinsabx ġewwa l-Isptar Mater Dei jew fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Ukoll, il-ħaddiema għandhom struzzjonijiet sabiex ma jittrasportawx apparat.