Illum, il-Partit Nazzjonalista rċieva l-ittra mibgħuta minn erba’ Kummissjonarji Elettorali lill-President ta’ Malta, li fiha tqajmu dubji serji dwar l-investigazzjoni li se ssir mill-Kummissjoni Elettorali dwar allegat ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Fl-ittra, il-Kummissarji jsostnu li b’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali se tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Dak li qalu l-Kummissjonarji Elettorali jirrifletti wkoll dak li diġà qalu diversi esperti kostituzzjonali.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li għandha ssir investigazzjoni fuq kull ilment li sar, mhux aċċettabbli li l-Kummissjoni tinvestiga u tiġġudika l-każ fl-istess ħin. Aktar u aktar meta l-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni hija nnomata minn Joseph Muscat. B’hekk il-Kummissjoni ma tista’ qatt tagħti garanzija ta’ imparzjalità.
Fid-dawl ta’ dawn l-żviluppi, il-Partit Nazzjonalista se jirriżerva d-dritt li jieħu kull pass neċessarju biex il-Kummissjoni Elettorali ma tiksirx il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
//= $special ?>