Lokali Qorti

Il-Prim Ministru mistenni jixhed fid-19 ta’ April fil-kawża kontra Gaffarena

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ
l-Imħallef Anna Felice wissiet lill-Avukat Ġenerali Peter Grech sabiex jagħmel premura mal-Prim Ministru biex jattendi fis-seduta li jmiss. "Qis li jkun preżenti, għax tajna biżżejjed ċansijiet," sostniet l-Imħallef.

Wara diversi differimenti sabiex jagħti x-xhieda tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jixhed fid-19 ta’ April fil-kawża li fetaħ hu stess kontra Mark Gaffarena f’tentattiv biex jitreġġa’ lura l-bejgħ ta’ nofs dar fi Triq Żekka. Il-kawża infetħet ukoll kontra l-Kummissarju tal-Artijiet u r-Reġistratur tal-Artijiet, li ironikament jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess.

Il-Prim Ministru bagħat noti lill-Qorti u lill-partijiet kollha fil-kawża li l-uniku ġurnata fejn jista’ jixhed hi propju d-19 ta’ April. Minkejja dan, l-Imħallef Anna Felice wissiet lill-Avukat Ġenerali Peter Grech sabiex jagħmel premura mal-Prim Ministru biex jattendi fis-seduta li jmiss. “Qis li jkun preżenti, għax tajna biżżejjed ċansijiet,” sostniet l-Imħallef.

Għaldaqstant, il-Qorti tat differiment ieħor għad-data msemmija fejn mistenni li jkunu magħluqa l-provi f’dan il-każ.

Il-kawża infetħet mill-Prim Ministru wara li faqa’ l-iskandlu Gaffarena dwar kif Gaffarena beda jixtri partijiet minn dar fi Triq Żekka li mbagħad kienu esproprjati mill-Gvern  għal €1.65 miljun bi qliegħ qawwi għal Gaffarena. B’kollox Gaffarena ingħata bi €3.5 miljun fi flus kontanti u artijiet oħra mill-Gvern. L-iskandlu kien investigat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li fir-rapport tiegħu iddikjara li kien hemm “collusion” – konfoffa – bejn Gaffarena u uffiċjali tal-Gvern

L-iskandlu wassal għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, bidla fid-Dipartiment tal-Artijiet li issa sar awtorita’ u din il-kawża li nfetħet mill-Prim Ministru.

Fil-kawża qed jidhru fost oħrajn l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Avukati Victoria Buttigieg u Christian Falzon Scerri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Keith Bonnici qed jidher għal Mark Gaffarena.