Lokali Qorti

“Jekk partit irid jikkomunika b’billboard, iħallas jew jagħmel arranġament ma’ benefattur”

Billboard tal-Partit Nazzjonalista - Ritratt mill-Arkivji

Partit jista’ jikkomunika permezz ta’ billboard mingħajr ħlas meta toħroġ ir-Writ tal-Elezzjoni Ġenerali. Fi żmien ieħor, partit jew irid iħallas il-miżata jew jagħmel arranġament ma’ min għandu billboards.

Din ħarġet mix-xhieda fil-kontroeżami ta’ Luke Genuis, manager ma’ Transport Malta hekk kif dalgħodu kompliet il-kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Partit Nazzjonalista dwar l-introduzzjoni ta’ miżata ta’ €1,500 fuq kull billboard li daħlet fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali f’April tal-2016.

Quddiem l-Imħallef Joseph R Micallef, Genuis xehed li hu ilu fil-kariga ta’ manager ma’ Transport Malta għal dawn l-aħħar tliet snin u nofs. Hu qal li kien inkarigat mill-Perit Audrey Testaferrata de Noto sabiex isir rendikont tal-billboards illegali madwar Malta u Għawdex li kienu qed jinfirxu bl-addoċċ. Hu qal li l-ewwel abbozz ta’ dan l-Avviż Legali kien tfassal f’April tal-2014 minnu, il-Perit Testaferrata de Noto u l-Avukat Chris Cilia, li kien qed jagħmel l-eżami fl-Awla.  Genuis xehed li kienu hu u Testaferrata de Noto, li llum hi sekondata fil-Ministeru għat-Trasport, li waslu għall-miżata ta’ €1,500 kull billboard.

Eventwalment, bdiet konsultazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar sakemm inħareġ l-Avviż Legali f’April 2016.

Fil-kontroeżami mill-Avukat Jason Azzopardi, Genuis qal li fiż-żmien li kien qed isir l-abbozz, hu kien dar il-lokalita’ personalment biex jagħmel inventarju ta’ billboards illegali.  Hu qal li ma kienx jaf dwar numru ta’ artikli fuq il-ġurnali dwar billboards illegali tal-Partit Laburista li kienu qed jintużaw mill-Gvern. Luke Genuis qal li ma jafx jekk dawk il-billboards għadhomx hemm. Lanqas ma kien jaf jekk Transport Malta talbitx li jittieħdu passi mill-Awtorita’ tal-Ippjanar dwar dawn l-istess billboards tal-Partit Laburista. Qal ukoll li  kien jaf dwar kawża li fetaħ il-Partit Laburista kontra Transport Malta dwar il-billboards tiegħu, liema kawża kienet ċeduta mill-Partit Laburista lejn l-aħħar tal-2015, iżda ma jafx id-dettalji tagħha.

Luke Genuis qal li ftit hemm differenza bejn l-ewwel abbozz li tlesta f’April 2014 u l-ħruġ tar-Regolamenti eżatt sentejn wara. Fuq mistoqsija tal-Avukat Azzopardi, hu qal li kienu konxji dwar billboards minn partiti politiċi. Hu qal li l-għan qatt ma kien li jwaqqfu partit milli jwassal il-messaġġ tiegħu iżda jridu jwaqqfu illegalitajiet u perikli. Genuis qal li Transport Malta iddeċidiet li partit jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu mingħajr ħlas fi żmien il-kampanja elettorali iżda fi żmien ieħor jew japplika u jħallas il-miżata, jew jagħmel arranġament ma’ min għandu billboard.

Il-każ ikompli.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher għall-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Avukati Chris Cilia u Ian Borg qed jidhru għal Transport Malta u l-Awtorita’ tal-Ippjanar rispettivament. Dehret ukoll l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali