Lokali Qorti

Jiżvoga l-frustrazzjoni kontra Joe Mizzi fuq Facebook – jeħel €7,000 f’danni

Lawrence Grech ta’ 58 sena kien ilu jissapporti l-inkonvenjent ta’ xogħolijiet fit-triq tiegħu li kienu ilhom għaddejjin għal sena u nofs. Iżda l-paċenzja tiegħu laħqet il-limitu wara li f’Diċembru 2015, bdew xogħolijiet fi triq biswit fejn joqgħod hu minħabba żjara statali tar-Reġina Eliżabetta it-Tieni.

Raġel mill-Birgu, li żvoga l-frustrazzjoni tiegħu dwar ix-xogħolijiet fil-Birgu fuq Facebook kontra l-Ministru Joe Mizzi, kien ikkundannat iħallas €7,000 f’danni wara li l-Qorti ddikjarat li l-kitba kienet malafamanti.

Lawrence Grech ta’ 58 sena kien ilu jissapporti l-inkonvenjent ta’ xogħolijiet fit-triq tiegħu li kienu ilhom għaddejjin għal sena u nofs. Iżda l-paċenzja tiegħu laħqet il-limitu wara li f’Diċembru 2015, bdew xogħolijiet fi triq biswit fejn joqgħod hu minħabba żjara statali tar-Reġina Eliżabetta it-Tieni.

Grech kien urtat għall-fatt li għal din it-triq partikolari, kienu assenjati 12-il ħaddiem li lestewha fi żmien qasir u esprima dan f’post fuq Facebook.

F’din il-post tad-9 ta’ Diċembru 2015, li kienet miżgħuda bi kliem ħażin, Grech waħħal fil-Ministru Joe Mizzi għal dak li ġara li min-naħa tiegħu, fetaħ kawża ta’ libell jumejn wara.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, innutat li meta infetħet il-kawża, Grech induna li żbalja u neħħa l-kitba minn fuq Facebook. Madanakollu il-kitba tiegħu rawha mas-700 persuna li huma ħbieb miegħu fuq dan is-sit.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti nnutat ukoll li Lawrence Grech naqas milli jtaffi l-ħsara li saret billi jagħmel apoloġija pubblika lill-Ministru u li l-kliem offensiv ma jista’ qatt ikun meqjus bħala fair comment u għaldaqstant ikkonkludiet li din il-post kienet “abbuż gravi tal-media soċjali.”

Il-Qorti qalet li Grech għażel li jinsulenta lill-Ministru li allegatament ivvota għalih fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet sempliċement għaliex kien urtat għall-fatt li x-xogħolijiet fit-triq tiegħu għaddejjin minn dewmien bla bżonn.

Il-Maġistrat Depasquale qal li l-post ta’ Grech kienet attakk fuq l-integrita’ personali tal-Ministru Joe Mizzi u dan jagħmel il-kitba tiegħu malafamanti.

Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lil Lawrence Grech iħallas €7,000 f’danni lill-Ministru Joe Mizzi.