Lokali

L-iskandlu tal-Panama Papers ma jissemma’ imkien fir-rapport tal-FIAU

Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi
Sena 'movimentata' - iżda fir-rapport annwali tal-FIAU jitħalla barra l-iskandlu li ddomina l-media: Il-Panama Papers

Sena li ġiet deskritta’ bħala movimentata fir-rapport annwali tal-FIAU, ma tinkludi l-ebda ħjiel jew kumment dwar l-investigazzjonijiet fl-iskandlu tal-Gvern Laburista – il-Panama Papers.

Dan kollu fid-dawl tal-kummenti tal-Kumitat Pana – li żar pajjiżna sabiex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u l-involviment tal-Gvern Laburista f’dan l-iskandlu ta’ ħasil ta’ flus.

Il-fatt li l-FIAU ħalliet barra għal kollox l-iskandlu tal-Panama Papers mir-rapport ikompli jitfa’ dell ikrah fuq din l-aġenzija tal-Gvern Malti – aktar u aktar meta iċ-Chairman tal-Kumitat Pana Werner Langen – kumitat maħtur mill-Parlament Ewropew – qal li l-każ ta’ Konrad Mizzi jindika li hu każ ċar ta’ ħasil ta’ flus.

Fis-sena li għaddiet, l-aġenzija tal-Gvern imsejħa Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) esperjenzat ir-riżenja tad-direttur Manfred Galdes f’Ġunju – hekk kif ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers, skandlu li ħakem il-leġislatura tal-Gvern Laburista bl-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Minkejja l-provi ċari tal-kumpaniji sigrieti, u l-emails kollha  juru l-intenzjonijiet u dak kollu li għamlu Konrad Mizzi u Kieth Schembri ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 – il-Pulizija ma nvestigatx il-każ. Iżda issa sar magħruf ukoll illi minkejja li l-eks Direttur Manfred Galdes fi Frar qal li investiga l-Panama Papers, ma ġie imniżżel xejn fir-rapport annwali tal-FIAU ippublikat miċ-chairman il-ġdid Peter Grech.

Issa, il-Parlament Ewropew, bil-barka tal-Partit Soċjalista Ewropew, qed se jagħmel pressjoni fuq il-Gvern ta’ Joseph Muscat biex Keith Schembri jidher quddiem dan il-Kumitat Pana, hekk kif meta saru l-investigazzjonijiet Malta dan ma attendiex.