Lokali Qorti

Multa ta’ €4,000 u sentenza sospiża wara li ħebb għal pulizija

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn New Zealand kien ikkundannat għal 8 xhur priġunerija sospiża għal sena u mmultat €4,000 wara li ammetta li ħebb għal pulizija waqt argument li seħħ f’lukanda f’Paceville.

Għall-ħabta tas-1a.m. tal-Erbgħa filgħodu, Stacey Wayne Wright kien fil-lukanda Dream f’Paceville meta seħħet kommossjoni. Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, Wright kien akkużat li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li rreżista l-arrest u li ħebb għall-kuntistabbli Alfred Bray u kkaġunalu ġrieħi ħfief

Wright ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u skuża ruħu għall-għemil tiegħu.

Il-Qorti nnutat li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, ikkopera mal-pulizija u talab skuża. L-Avukat Stefano Filletti, f’isem l-akkużat irrimarka li Wright se jkollu jiffaċċja lill-familja tiegħu meta jmur lura New Zealand għaliex huma rrabjati għal dan l-inċident hekk kif missieru kien membru tal-Forzi Armati u għadu sal-lum membru tal-Pulizija fil-pajjiż u li ibnu messu jaf aħjar dwar il-gravita’ ta’ attakk fuq uffiċjal pubbliku.

Innutat ukoll il-qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar piena adatta bħala kastig għal dan ir-reat. Għaldaqstant, il-Maġistrat Camilleri ikkundanna lil Stacey Wayne Wright jiskonta piena ta’ 8 xhur ħabs, liema piena hi sospiża għal sena. Hu kien immultat ukoll €4,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti deher għall-akkużat.

 

Tags