Lokali

Mużew tal-Kon Kattidral li se jkun qed jappella għaż-żminijiet tal-lum

Il-pittura ta' Caravaggio m'hix se tiċċaqqlaq mill-Oratorju

Ix-xogħol għat-tkabbir tal-Mużew tal-Kon Katidral ta’ San Gwann li se jiswa’ mat-€13-il mistenni jkun lest madwar tlett snin oħra.

Id-dehra l-ġdida tal-mużew se tkun minn naħa ta’ Triq il-Merkanti fejn se tinbena s-sala fejn se jkunu esebiti l-arazzi u ċentru ddedikat għal Caravaggio.

Dan qalitu l-kuratriċi tal-Mużew Cynthia De Giorgio waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegat kif bħala parti mill-proġett l-arazzi kollha se jkunu eżebiti kif jixraq.

L-arazzi huma l-aktar kollezzjoni importanti, wara l-pittura ta’ Caravaggio. Kienu rigal tal-Gran Mastru Perellos li kien ordna li jitlestew fi żmien 4 snin. Xi ħaġa li llum il-ġurnata hi kważi kważi impossibbli li ssir.

Dawn l-arazzi bħalissa qed jiżżarmaw minn fejn qed jinżammu biex ikunu merfughin sakemm eventwalment jieħdu posthom kif jixraq fil-mużew.

Cynthia De Giorgio qalet li l-pittura ta’ Caravaggio li kienet magħmulha għall-oratorju tal-Kon Katidral mhux se tkun qed tiċċaqqlaq, u spjegat għalfejn.

Fażi partikolari li se jkun jinkludi l-mużew tal-Kon Katidral hi dik fejn se jkun hemm l-informazzjoni kollha dwar l-arti u r-rikezzi kollha tal-mużew.

Minn naħa tiegħu Wilfred Buttiġieg li hu membru tal-Kunsill tal-Fondazzjoni tal-Kon Katidral ta’ San Gwann qal li bħala parti mill-proġett ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-mużew irid jappella għal kulħadd mhux biss għall-adulti. Spjega kif anke t-tfal għandhom jifmhu u japprezzaw aħjar ir-rikezzi li nsibu f’dan il-mużew. Fosthom bl-użu tat-teknoloġija.

Il-mużew tal-Kon Katidral ta’ San Gwann kull sena jilqa’ man-nofs miljun persuna, b’mod partikolari turisti.