Lokali Parlament

Realtà…68 tifel u tifla ta’ nazzjonalità differenti fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar

– Ċensu Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li r-realtà tas-sitwazzjoni fil-lokal ta’ San Pawl il-Baħar hi riflessa fl-ammont ta’ tfal minn pajjiżi differenti li jattendu fl-iskola primarja fejn hemm 68 tifel u tifla min-nazzjonijiet differenti.

Meta kien qed jitklelem fl-abbozz ta’ liġi dwar ir-refuġjati Ċensu Galea tkellem dwar ir-raġunijiet wara l-mod li jwassal persuni jaħarbu minn pajjiżhom għal raġunijiet politiċi, ekonomiċi u ta’ gwerer.

Hu kompla li ħafna mir-refuġjati li jiġu Malta ġejjin mill-Mediterran u mill-Afrika u għalhekk dak li qed iseħħ f’dan ir-reġjun għandu jkun trattat bi prominenza, fosthom dak li qed iseħħ fis-Sirja u fl-Iraq.

Għal diversi snin Malta kienet weħidha quddiem din il-kriżi b’influss ta’ refuġjati u immigranti iżda illum saru numru ta’ żviluppi permezz ta’ azzjonijiet minn Malta u mill-UE.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-immigranti irregolari jkunu sfruttati mit-traffikanti u kompla li fil-pajjiż kien hawn reazzjoni differenti porpja minħabba l-ammont ta’ refuġjati li ġew. Hu kompla li kien meta l-immigranti bdew ġejjin bl-eluf, li f’Malta kien hawn reazzjoni li ma tantx kienet karitetevoli. Il-Maltin bdew iħarsu lejn dawn in-nies b’mod negattiv anki għaliex kien hemm abbuż minn dak li l-pajjiż joffri.

Ċensu Galea qal li fil-budget tal-2015 il-Gvern kien qal li se jasal għal sitwazzjoni li mhux se jkun hemm iktar persuni jittalbu għax-xogħol fil-Marsa. Minkejja dan id-diskors, l-immigranti fil-Marsa għadhom hemm jistennew ix-xogħol.

Minbarra l-Marsa, hemm ukoll lokalitajiet oħra fosthom Marsaxlokk u Birżebbuġa minħabba l-preżenza ta’ ħafna immigranti f’Ħal Far. Il-komnuità ta’ dawn il-lokalijet qed iħossuhom urtati għaliex jikkunsidraw lil dawn il-persuni bħala dawk responsabbli għad-deni kollu li jkun ikkawżat.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fil-pajjiż hawn 34,000 persuna barranija taħdem, li fil-fatt qed jikkontribwixxu għall-ekonomija. Hu tkellem dwar is-sitwazzjoni f’San Pawl il-Baħar fejn il-popolazzjoni qed tiżied kontinwament.

L-inkwiet hu li l-PL kien jgħid li l-persuni barranin li jgħixu fil-lokalità kellhom jitilqu minn hemm iżda fir-realtà dawn żdiedu. Jirriżulta li fl-aħħar ġimgħat kien hemm 68 nazzjonalità differenti ta’ tfal li jattendu l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar.

Minkejja dan, hemm integrazzjoni fost dawn it-tfal; xi ħaġa li mhux kapaċi jagħmlu l-kbar. Dan hu eżempju li l-kbar għandhom jikkuppjawh.

Ċensu Galea tkellem dwar l-importanza li kollox jimxi skont il-liġi minħabba li jkun hemm barranin li jaħsbu li jistgħu jagħmnlu li jridu. Dan iwassal għall-biża’ anki minħabba ċertu attivita kummerċjali li qed toħloq problemi anki minħabba bejgħ ta’ propjetà. Hawn għandhom jidħlu l-forzi tas-sigurtà u l-ordni fil-pajjiż.

Il-pulizija tal-Qawra jagħmlu xogħlhom b’responsabbiltà kbira iżda n-numru ta’ pulizija allokati fiż-żona hu ferm iżgħar minn dak meħtieġ.

Id-deputat Nazzjonalista tellem dwar l-ispot checks fuq individwi fiż-żona u qal li din is-sitwazzjoni mhix feliċi għaliex m’hemmx preżenza biżżejjed ta’ pulizija. Il-gvern għandu l-obbligu li jassigura li kulħadd jimxi mar-regoli tal-pajjiż.

Ċensu Galea qal li s-sorsi ta’ inkwiet għall-Maltin għandhom ikunu kontrollati kemm jista’ jkun. Hu semma l-graffiti li kienu nkitbu f’diversi lokalitajiet u qal li dawn ħasbu reazzjonijiet mill-komunità. Id-deputat Nazzjonalista kompla li hawn barranin fosthom mis-Serbja u mill-ex Jugoslavja li ma jintegrawx mal-Maltin u qed jinħolqu problemi.

Ċensu Galea appella biex il-passi kollha ta’ sigurtà jkunu qed jittieħdu fejn il-pulizija għandhom ikunu mħarrġa biex jikkontrollaw dawn is-sitwazzjonijiet.

Fost il-problemi hemm dik tal-lingwa meta l-pulizija tmur biex tarresta lill-immigranti li jabbużaw. Il-Pulizija għandu jkollu numru ta’ persuni li jistgħu jittraduċu l-lingwa biex issir il-komunikazzjoni meħtieġa bejn il-pulizija u l-barranin f’mumenti diffiċli.