Lokali

Se nwettqu l-akbar investiment fl-infrastruttura – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista jikkommetti ruħu għall-akbar investiment fl-infrastruttura li qatt sar f’leġiżlatura waħda. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Assoċċazzjoni ta’ Min Iħaddem.

Simon Busuttil qatt li l-ekonomija tagħna tista’ tkun ħafna aħjar primarjament jekk ikollna tmexxija tajba u jekk negħlbu d-defiċit infrastrutturali li ntroduċa l-Gvern Laburista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif, filwaqt li Joseph Muscat żied l-ispiża rikorrenti tal-Gvern b’aktar minn €200 miljun, huwa naqqas l-investiment fi proġetti b’€271 miljun.

Simon Busuttil qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss ikompli jtejjeb l-ekonomija bi pjan serju u fit-tul iżda jwassal il-ġid li jinħoloq għand kulħadd. Huwa semma’ proposta ewlenija li għamel il-Partit Nazzjonalista, li jnaqqas it-taxxa tad-dħul fuq għan-negozji ż-żgħar għal 10% fuq l-ewwel €50,000. Din il-politika, żied Simon Busuttil, qegħda tinteressa lil ħafna negozjanti u sidien ta’ negozji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura lill-President tal-Kunsill Dolores Sammut Bonnici għall-ħatra riċenti tagħha u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan l-organu mportanti eleġġa mara fit-tmun. Huwa qal li l-politika tal-Partit Nazzjonalista wkoll tippromwovi l-ħatra ta’ aktar nisa f’karigi mportanti.

Il-President tal-Kunsill tal-Assoċazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li huwa grazzi għall-għaqal ta’ min iħaddem li llum għandna klima ekonomika b’saħħitha u, prova ta’ dan, qalet il-President, l-andament f’Malta kien baqa’ tajjeb anke meta l-pajjiżi ġirien ta’ Malta kienu fi kriżi. Hija qalet li jinħass il-bżonn ta’ aktar għarfien fost dawk li jħaddmu dwar oqsma bħall-liġi u etika fl-imprenditorjat.

Simon Busuttil kien akkumpanjant mill-Kelliem għan-Negozji Żgħar, Ħwienet,  u s-Self-Employed  Robert Arrigo; il-Kelliem għall-Manifattura u l-Kooperattivi Edwin Vassallo, il-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, Gaming, u IT Kristy Debono; u l-Kelliem għax-Xandir u Djalogu Soċjali Clyde Puli.