Lokali

“Sitwazzjoni inaċċettabli” – L-Ombudsman

L-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa mhux se jkunu jistgħu jinvestigaw l-ilmenti fis-settur tas-saħħa u l-enerġija

“Il-privatizazzjoni tas-servizzi tal-Gvern, partikolarment is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet u l-enerġija, huma setturi li jistgħu ikollhom effett ħażin fuq il-governanza tajba tal-Gvern” – jistqarr dan ir-Rapport Annwali tal-Ombudsman għas-sena 2016, li tressaq din il-ġimgħa fil-Parlament.

Żvelat dan il-ġurnal the Malta Indpendent fejn ippublikat artiklu dwar kif l-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa mhux se jkunu jistgħu jaħdmu fuq l-ilmenti tal-pubbliku u jinvestigaw dak li se jkun qed jiġri f’dawn is-setturi privatizzati. Anke jekk l-ilment ikun dwar in-nuqqas ta’ kwalita’, l-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa ma jistgħu jagħmlu xejn – hekk issa s-servizz se jiġi provdut mill-privat u mhux mill-Gvern.

Ir-rapport kompla li fis-settur tas-saħħa, kemm il-pazjenti u kif ukoll il-ħaddiema fl-isptarijiet, diġa’ qegħdin iħossu dan in-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni minn naħa tal-Ombudsman u l-Kummissarju għas-Saħħa.

Pero r-rapport jidħol aktar fid-dettall, u filfatt fih jingħad li l-aktar li se jbagħtu minn din il-privatizazzjoni huma l-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex – fejn fi kliem ir-rapport stess jintqal: “li l-popolazzjoni sħiħa tal-gżira Għawdxija se tinqata’ kompletament mill-aċċess dirett għand il-Kummissarju tas-Saħħa”, hekk kif l-uniku sptar pubbliku f’Għawdex ġie privatizzat. L-Ombusdman stqarr fir-rapport tiegħu li din hi sitwazzjoni inaċċettabbli li tidiskrimina kontra komunita’ kbira tal-popolazzjoni Maltija.