Sport Sport Ieħor

Tiġrijiet taż-żwiemel – L-ewwel suċċess għad-debba Borups Mandy

Borups Mandy fl-azzjoni (Ritratt: Paul Scicluna)

L-aktar żiemel li kellu suċċessi fil-korsa ta’ Xħajma matul dan l-istaġun, bla dubju ta’ xejn hu l-Franċiż ta’ għaxar snin ‘Spider Du Maine’ li s’issa rreġistra sitt rebħiet. L-aħħar waħda kienet fil-15-il-programm li sar fi tmiem il-ġimgħa fil-korsa ta’ Xħajma. F’din il-laqgħa saru erba’ tiġrijiet tat-trott fuq distanza ta’ 2,100 metru.

Fit-tiġrija prinċipali għall-ogħla klassi, dik ta’ Gold u Premier flimkien ħadu sehem seba’ fost l-aħjar żwiemel fil-gżira Għawdxija. Kienet tiġrija interessanti bejn ‘Soft De La Vallee’ (Claudio Refalo) u ‘Nelson Derm’ (Mark Bonnici) ħarġu tajjeb mat-tluq u kienu segwiti minn ‘Tony Boy’ (Mario Spiteri), ‘Quite A Man’ (Marco Refalo) u żwiemel l-oħra wara xulxin.

Dawn il-pożizzjonijiet baqgħu għal tul it-tiġrija sakemm fl-aħħar 500 metru beda l-attakk minn wara ta’ Spider du Maine (Carmel Debono) u baqa’ tiela fid-dritta finali u rnexxielu jaqbeż il-linja rebbieħa quddiem ‘Nelson Derm’ u ‘Quite a Man’.

Tiġrija oħra interessanti kienet dik tal-klassi Silver fejn hawn id-debuttant ‘Un Matin d’Anama’ (Joe Portelli) ħareġ tajjeb mal-gaġġa tat-tluq u kien segwit minn ‘Umberto Mologni’ (Raymond Cauchi), ‘Prince Teemer’ (Mark Bonnici), ‘Emotion Boshoeve’ (Daniel Hili) u ż-żwiemel l-oħra jsegwu lil xulxin f’linja waħda. Ftit kien hemm kambjament matul it-tiġrija iżda fl-aħħar nofs dawra ż-żwiemel bdew iżidu l-pass u jippruvaw jattakkaw għall-ewwel postijiet.

Tmiem it-tiġrija kien mill aktar eċċitanti fejn il-Franċiż ‘Umberto Mologni’ misjuq minn sidu Raymond Cauchi irnexxielu jieħu r-raba’ rebħa tal-istaġun. Fit-tieni u t-tielet post daħlu ‘Croque’ (Joseph Mercieca) u ‘Emotion Boshoeve’ (Daniel Hili).

Id-debba ‘Attraktiv’ (Matthew Mamo) irnexxiela tirreġistra t-tieni rebħa tal-istaġun fit-tiġrija tal-klassi Bronze. Kien id-Daniz ‘Rusty’ (Josef Farrugia) li ħareg tajjeb mat-tluq iżda ma damx wisq ma ntlaħaq minn ‘Attraktiv’ u biż-żwiemel ‘Design Rib’ (Peter Paul Said), Raquel Gar (Claudio Refalo) u ‘Julie Juyel’ (Mark Bonnici) wara xulxin.

Fl-aħħar parti tat-tiġrija z-żwiemel bdew izidu fil-veloċita’ iżda finalment kienet ‘Attraktiv’ li daħlet l-ewwel segwita fit-tieni post minn ‘Design Rib’.

Id-debba Żvediża ta’ sitt snin ‘Borups Mandy’ taħt il-gwida ta’ George Gatt irnexxiela tagħmel rebħa kbira fit-tiġrija għall-kategorija Cooper. Din id-debba mill-ewwel ħarġet tajjeb minn wara l-gaġġa tat-tluq segwita minn ‘Beauty Run ‘ (Joe Portelli), ‘Paco’ (Shaun Portelli), ‘Borups Hero’ (Omar Cauchi) u ż-żwiemel l-oħra. Mal-ħin ‘Beuty Run’ irnexxielha tmur fuq quddiem iżda fl-aħħar parti tat-tiġrija meta beda l-attakk finali, insibu lil ‘Borups Mandy’ terġa’ tmur fuq quddiem u qatt ma ħarset lura biex akwistat l-ewwel rebħa tal-istaġun segwita minn ‘Borups Hero’ u ‘Paco’ li dahlu fit-tieni u t-tielet post respettivament.

F’din il-laqgħa saret ukoll tiġrija tat-trott għaż-żwiemel li ma kellhomx suċċess fil-korsa ta’ Xħajma u hawn daħal l-ewwel ‘Wisby B.M.W.’ (Jason Azzopardi) segwit minn ‘Jonah Frontline’ (Matthew Mamo) fit-tieni post.

Fil-bidu tal-programm assistejna għal tliet tiġrijiet għall-ponijiet Shetland misjuq mit-tfal u dawn ġew mirbuħa minn ‘Ginger’ (Shaun Fenech), ‘Sween Dreams’ (Nathan Farrugia) u ‘Panama’ (Nathan Attard).
Il-programm ta’ tiġrijiet li jmiss ser isir is-Sibt 15 ta’April fit-3pm.