Futbol Sport

X’jiġri jekk Hibernians, Valletta u Balzan jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti?

Wara r-rebħa ta’ Valletta b’goal fid-90 minuta kontra Hibernians, il-Kampjonat Premier reġa’ nfetaħ kompletament hekk kif Hibernians jinsabu biss żewġ punti fuq Valletta u Balzan meta baqa’ ħames logħbiet għal tmiem il-Kampjonat.

Meta wieħed jinnota li dan hu l-ewwel staġun fejn ma kienx hemm  il-punti mnaqqsa bin-nofs wara t-tieni round, se nkunu qed nassistu għal wieħed mill-aktar Kampjonati nteressanti b’taqtieha għar-rebħ tal-Kampjonat bejn tliet timijiet.

Jekk fl-eventwalità li t-tliet timijiet jispiċċaw bl-istess punti, x’jiġri biex ikun deċiż it-tim rebbieħ tal-Kampjonat? F’dan il-każ ma jkunx hemm decider bejn tlieta iżda decider bejn tnejn għal min se jirbaħ il-Kampjonat Premier dan l-istaġun.

Allura, kif se jkunu magħrufa l-finalisti tad-decider?

Ir-regolamenti tal-MFA għal każ bħal dan jgħidu li t-timijiet bl-aħjar riżultati f’klassifika b’konfronti diretti bejn it-tliet timijiet iridu jilgħabu fil-partita deċiżva. Din il-klassifika tinħadem billi l-ewwel jiġu kkalkulati l-logħob dirett bejn dawn it-tliet timijiet u meta jsir hekk il-klassifika finali tirriżulta hekk:

Hibernians – 9 punti

Balzan – 8 punti

Valletta – 8 punti

Dan ifisser li Hibernians temmew l-ewwel fil-konfronti diretti u b’hekk jilgħabu fid-decider iżda l-avversarji tal-iskwadra minn Raħal Ġdid irid jiġi deċiż skont min għandu l-aħjar differenza ta’ gowls f’klassifika bejn tliet timijiet bejn Balzan u Valletta, la darba dawn l-aħħar tnejn temmew bl-istess ammont ta’ punti wara li lagħbu l-konfronti diretti.

Balzan skorjaw 9 goals u sofrew l-istess ammont u għalhekk għandhom differenza ta’ gowls li hija ta’ żero. Valletta skorjaw sitt gowls u soffrew seba’ gowls li jfisser li għandhom differenza ta’ -1 gowl.

B’dan ix-xenarju jkunu Hibernians u Balzan li jilgħabu f’decider biex jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-Kampjonat Premier 2016/2017 iżda kemm il-darba r-rebbieħ ikun deċiż wara dawn l-istadji kollha ikun vera każ li dan l-istaġun ikun fost l-aktar, jekk mhux l-aktar wieħed miġġieled li qatt kelna f’dawn l-aħħar snin!