Lokali

AIR MALTA: Kellhom jivjaġġaw fuq ajruplan tal-posta flok ajruplan tal-Air Malta

Ajruplan 'Poste Italiane' tal-linja 'Mistral Air', simili għal dak mikri mill-Air Malta
The Times tiżvela li passiġġieri tal-Air Malta lbieraħ kellhom itiru fuq ajruplan li mhuwiex tal-Air Malta

Passiġġieri tal-Air Malta lbieraħ kellhom jivjaġġaw fuq ajruplan li ssoltu jintuża għat-twassil tal-posta fl-Italja, skont artiklu ppubblikat mill-gazzetta Times of Malta. Id-deċiżjoni tal-Air Malta li ma tużax ajruplan minn tagħha ttieħdet minħabba “raġunijiet operazzjonali”.

Il-passiġġieri milquta kienu se jtiru lejn Vjenna u ftit qabel għaddew miċ-check-in għall-mitjar, ingħataw ittra mill-istaff tal-Air Malta li fiha ġew infurmati bit-tibdil. “Nixtiequ ninfurmawkom li t-titjira tagħkom illum se tkun operata minn Mistral Air f’isem l-Air Malta. Dan it-tibdil qed iseħħ minħabba raġunijiet operazzjonali. Krejna dan l-ajruplan minflok ma ħassarna t-titjira” kienet taqra l-ittra mgħotija lill-passiġġieri qabel telgħu fuq l-ajruplan, miksuba wkoll minn NETnews u ppubblikata hawn taħt.

Il-mod kif il-passiġġieri ġew infurmati b’dan it-tibdil ħabta u sabta wassal għal tgergir fost il-klijenti tal-Air Malta. The Times ikkwotat numru ta’ passiġġieri li lmentaw li huma kienu qed jippretendu li jtiru fuq ajruplan tal-Air Malta ladarba ħalsu ammont konsiderevoli ta’ flus. Agħar minn hekk, ikomplu jilmentaw il-passiġġieri, l-alternattiva offruta mill-Air Malta kienet li jtiru fuq titjira oħra, b’konsegwenza li jkollhom jistennew numru ta’ sigħat żejda.

Skont informazzjoni li kiseb NETnews, l-ajruplan huwa ta’ tip li jkun jista’ jinbidel minn ġewwa skont il-bżonn. Ajruplan ta’ dan it-tip ikun jista’ jintuża għall-ġarr tal-merkanzija u l-posta, iżda jkun jista’ wkoll jinbidel minn ġewwa b’mod li jtajjar il-passiġġieri.

Kien fl-2015 li t-tmexxija tal-Air Malta kienet indikat li kienet se tnaqqas il-flotta tal-Air Malta minn għaxar ajruplani għal tmien ajruplani. Skont il-Gvern u t-tmexxija tal-Air Malta, dan il-pjan ta’ tnaqqis tal-flotta kellu jwassal għall-iffrankar ta’ ħafna flus. Madanakollu, kien prevvist li l-linja nazzjonali tal-ajru jkollha tikri l-ajruplani minn xi daqqiet. Apparti minn hekk, fl-aħħar xhur tnaqqsu wkoll numru ta’ rotot essenzjali għall-Air Malta, fosthom ir-rotta lejn Frankfurt.

Sadanittant, il-pjan tal-Gvern għall-Air Malta jidher li mhux qed iwassal għat-titjib meħtieġ għall-Air Malta b’mod li l-futur tal-ħaddiema kollha jkun garantit. Tant li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jkeċċi għadd ta’ ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru.

L-ittra mgħotija lill-passiġġieri qabel telgħu fuq l-ajruplan… ajruplan tal-posta flok ajruplan tal-Air Malta